Il-Qasma fil-PN – Fejn wasalna s’issa?

Sitta u l-aħħar artiklu

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Imma issa fejn qegħdin? Hawn xi ħadd jaħseb li l-klikka kuntenta? Hawn xi ħadd jaħseb li l-klikka m’għadhiex tagħmel dak li trid hi u l-irjus ta’ madwarha? Hawn xi ħadd jaħseb li t-tmexxija qegħda f’idejn Bernard Grech? Hawn xi ħadd jaħseb li kull ma qed jiddeċiedi Dr Grech hija deċiżżjoni tiegħu? Hawn xi ħadd jaħseb li Dr Grech qed jagħmel xi ħaġa waħdu?

Eżempju wieħed ta’ kif taħdem il-klikka illum. Ftit ġranet ilu Dr Jason Azzopardi għaffeġ waħda kbira u ssospenda ruħu mill-grupp parlamentari sa meta jitressaq quddiem il-bord tal-etika. Kemm il-partit kif ukoll Dr Azzopardi xandru din l-aħbar ma l-erba’ irjieħat ta’ Malta u Għawdex. X’qal dan il-bord bil-kwiet u mingħajr daqq ta’ trombi? Dawn tawh daqqa fuq sormu ħafifa u qagħdu attenti ħafna li ma jmorrux jimmarkawlu l-warrani. Din l-aħbar saret pubblika? Ir-risposta hija le. Allura kif sirna nafu li dan reġa’ daħal fil-grupp parlamentari?

Fl-aħħar ġranet ħarġet stqarrija mill-partit u wieħed mill-firmatarji ta’ din l-istqarrija kien l-istess Jason Azzopardi. Tafu kif tniżżel? Dan tniżżel bħala l-kelliem tal-gustizzja. Dik hija prova ċara li dan id-deputat reġa’ qed jagħmel parti mill-grupp parlamentari bl-istess dekasteru li kellu. Min reġa’ daħlu fil-grupp? Tgħid daħlu Dr Grech jew il-klikka? Għalkemm Dr Grech qal li Jason Azzopardi għadnu ħafna doni xorta ma xandarx li rega’ aċċettah lura.

Allura tidher ovvja li l-klikka tagħmel li trid u li jogħġobha. L-ebda Dr Grech jew il-fidili ta’ madwaru (li huma ħafna) m’huma ser iwaqqfu lill-klikka għax ma jistgħux. Kemm aktar provi għandna bżonn biex nifhmu li l-klikka saret aktar b’saħħitha minn qabel. Il-ħsara akkumulata tal-klikka ma tantx hu faċli li titħassar malgħajr. Il-partit glorjuż tagħna li tant ilna naħdmu fih u għalih qed jitkisser minn klikka ta’ nies bla qalb. Din il-klikka tilfet rasha, tilfet kull sens ta’ bilanċ, tilfet kull sens ta’ raġuni u tilfet it-trankwilita’. Ebda partit politiku ma jista’ jimxi jew javvanza meta klikka parlamentari tkompli tagħmel dak li trid u li jaqbel lilha biss.

Kollegi u tesserati fil-Partit Nazzjonalista iftħu għajnejkom sewwa. Aħsbu jekk il-Partit tbiddilx, avanzax jew ingħaqadx għax biddilna l-Kap. Jiena ċert li l-maġġoranza tat-tesserati qed jirrealizzaw u jifhmu kemm l-klikka bigħitilna l-ħut fil-baħar. Offritilna soluzzjoni zoppa u li ma treġġix. Ħsibna li l-klikka ser tieqaf tħassar il-logħba politika. Imma ġara li issa li l-klikka qed tifhem li poġġiet persuna li sfortunatament mhiex idoneja għall-pożizzjoni ta’ kap. Il-klikka stess qed tirrealiżża li besqet fl-ajru u ġie f’wiċċha. Il-klikka stess qed tifhem li ma għamilna ebda pass ‘il quddiem imma b’ċertezza għamilna passi kbar lura. Mill-aħbarijiet li ħerġin mid-Dar Ċentrali jidher li bdew it-trikkitrakki anke ma’ Dr Grech.

Issa x’ser tagħmel il-klikka?

Leave a Reply