Bil-provi: il-ġurnal tal-Knisja, Newsbook, ixandar gideb fuqi. Jgħid li jien għidt li “Ħaqq Alla” hija talba u ma jipprovax dak li kiteb.
Kif kont qed nistenna, xi ħadd mit-truppa tal-brigata ta’ Daphne rreagixxa għall-artiklu tiegħi dwar il-fatt li “Ħaqq Alla” mhix dagħwa. Il-persuna li bellgħet is-sunnara kienet ġurnalista mill-media tal-isqfijiet, Monique Agius. Din kitbet artiklu biex tgħid li jien skoprejt li l-Ministru Ian Borg kien qed jitlob. Dan b’referenza għall-fatt ta’ dak li ktibt dwar il-fatt li l-espressjoni “Ħaqq Alla” mhix dagħwa. Hawn mhux ser nidħol fil-mertu li fl-Għarbi l-kelma dagħwa tista tintuża bħala kelma għat-talb. Biss nixtieq nistaqsi lil din il-ġurnalista tal-media tal-isqfijiet fejn jien għidt li din il-frażi hija talba kif hija rrappurtat? Ġurnalista trid għandha toqghod attenta għall-frażijiet użati. Tinvoka jew titlob il-ġustizzja ta’ Alla, kif ktibt jien, hija differenti mill-mod ta’ “talba” kif qed tipprova tpinġiha din il-ġurnalista.
Din il-ġurnalista tajba biss biex tħarref fuq in-nies. L-aqwa li din il-ġurnalista ngħaqdet mal-kor tal-liberali u ppruvat tgħaddini biż-żmien. Illum dan huma l-valur tal-Knisja Maltija. Basta jippruvaw jirredikolaw lin-nies. Dak li tipprovat tagħmel Monique Agius. Mingħalija ser twaqqagħni għaċ-ċajt. Biex iġġib l-argument tagħha, Agius ikkwotat lil Godfrey Wettinger li kien jgħallimni. Skont hija, Wettinger jgħid li l-kelma ”Ħaqq” ġejja mill-kelma “aħraq” li fl-Għarbi tintuża bħala dagħwa. Biss tista’ din il-ġurnalista tispjega l-proċess lingwistiku biex mill-kelma “aħraq” li hija fl-imperattiv issir “ħaqq” li hu nom? Fuq kollox tista’ tispjega kif il-konsonanti ‘r’ waqqgħet? Hemm proċessi lingwistiċi oħra simili għal dan fil-Malti? Imbagħad meta tirrispondi dawn il-mistoqsijiet inkunu nistgħu naraw jekk din hix ġejja mill-kelma ’aħraq’ li fl-Għarbi tintuża bħala dagħwa bħal ma hija l-espressjoni “aħraq dinek”. Inċidentalment tista din il-ġurnalista tagħti prova storika tal-espressjoni “aħraq Alla” fid-dokumenti tagħna? Fuq kollox, lingwistikament, il-frażi “aħraq Alla” ma tagħmilx sens. Il-frażi hija “Aħraq ‘l Alla” li xi drabi smajtha wżatha. Ma għandix dubju li min użah l-anqas jaf is-sinfikat tagħha u wisq probabli ma ġiet użatha f’dan il-kuntest li qed nitkellmu dwaru. Naħseb li hawn din il-frażi taħraq ‘l Alla tintużat bħala ‘to annoy God”. Jekk din il-ġurnalista tikteb l-artikli politiċi bħal ma tikteb dawk storiċi verament għandha biex tiftaħar il-media tal-isqfijiet! Inkellha mhux kapaċi tifhem sew bl-Ingliż jew il-Malti.
Basta kitbet artiklu biex tattakka akkademiku! Ara issa, iwa qed nirrispondik ta’ akkademiku! Il-fatt huwa li l-espressjoni bħal din trid tkun studjata fl-istorja soċjali ta’ pajjiżna meta l-fqir u l-batut ma kellux għodda oħra biex jiġġieled l-inġustizzji ħlief dik li jitlob il-Ħaqq ta’ Alla. Hawn il-kelma ‘jitlob’ jew ‘titlob’ qed tintuża fis-sens ta’ “to ask” u mhux fis-sens ta’ ‘to prayer”.
U b’hekk kien jgħid “Ħaqq Alla”. B’din il-frażi kien jitlob lil Alla ħaqq minn dawk li kienu qed jaħqruh. Ġara li tant kemm kien hawn inġustizzji li din il-frażi fil-Malti bdiet tintuża aktar bħala saħta milli bħala barka. Fi kliem ieħor, fil-kuntest Malti, il-ħaqq ta’ Alla kien qed jintalab bħala saħta kontra dawk li kien qed jagħmlu l-inġustizzji. Tant kemm din hija interpretazzjoni korretta, li din il-frażi, meta tintuża, tintuża f’kuntest ta’ rabja kontra xi ħadd, kif fil-fatt jidher li ġara.
Issa jekk trid li nirrispondik f’termini ta’ kritika Marxista, ngħidlek li tant kemm il-klassi tal-“first tier”, li din il-ġurnalista u l-media tal-Knisja hija mgħoxija biha, bdiet tieħu għalija u tibża’ mis-saħta tal-fqir, li ppruvat tagħlaqlu ħalqu. B’hekk il-klassi għolja sabet l-alleanza tal-ġerarkija tal-Knisja li bdiet tqies din il-frażi bħala dagħwa biex iżżomm lil fqir milli jisħet lis-sinjur u b’hekk iżżommu fl-injoranza u tibqa’ tipperpetwa l-inġustizzja.
U aktar mal-Knisja bdiet tgħid lill-fqir biex ma jgħidhiex, aktar spiċċa jużaha. Tant kemm spiċċaw jibżgħu minn din il-kelma tal-“first tier”, li anki l-kelma “ħaqq” waħidha kienet mitqiesha bħala dnub! Jekk din tal-aħħar hix l-interpretazzjoni korretta storikament, lest niddibattih u niddiskutih, biss mhux ma’ Monique Agius, li tidher li ma taf xejn fuq is-suġġett. Biss mill-kitba tiegħek nista’ nikkonkludi b’ċertezza li l-ġurnal tal-Knisja f’Malta spiċċa jipprova jżebblagħ lin-nies. U dan bil-provi.