Il-qasma fil-PN: x’ġara meta Adrian Delia ħa r-rigni f’idejh?

Il-ħames artiklu

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Wara li Dr. Adrian Delia rebaħ it-tiġrija tat-tmexxija sar il-famuż passaġġ taċ-ċwievet tal-uffiċċju tal-Kap. Għal Dr Delia bdew tliet snin ta’ kalvarju. Tgħid intqal dan id-diskors dak inhar tal-għoti taċ-ċwievet? ‘Ħlist minni mill-uffiċċju imma ser nibqa’ ma saqajk fil-parlament’. Fil-fatt dik id-deċizzjoni ħolqot inkwiet kbir. Kienet mossa maħsuba li jagħmlu l-ħajja tal-kap il-ġdid diffiċli kemm jista’ jkun. L-ex-kap baqa’ jitkellem qisu kien għadu hu l-kap. Konferma ta’ dan kien li waqt l-interventi tal-membri tal-gvern kemm-il darba qalu u kkummentaw sarkastikament ‘imma eżattament minn hu l-kap tal-partit?’ jew ‘imma int Onor. Busuttil int ex-Kap jew il-Kap?’.

Kieku kull nazzjonalist induna bil-ħsara kbira li għamlet il-mossa ta’ Dr Busuttil li baqa’ fil-parlament, kieku llum m’aħniex qegħdin hawn. Niftakru sewwa li dik kienet mossa maħsuba mill-klikka. Ma nistgħux ninsew lanqas li dak iż-żmien il-kap tal-klikka kien l-istess ex-kap. X’ma għamlux? X’ma vvintawx? X’ma qalgħux? X’ma pasprux? X’ma deffsux? X’ma firdux? Tafu li anke fil-parlament infirdu? Il-kap naħa u l-klikka n-naħa l-oħra. Il-kap jindirizza l-parlament u l-membri tal-partit tagħna jpaċpċu, jilgħabu bil-mobile, jiktbu fuq l-laptops, jinjorawh, ma jappoġjawhx u ħafna sinjali oħra.

Dawn affarijiet li meta tarhom fuq it-television jew tkun preżenti fil-parlament iqallgħuk, idardruk u juruk affarijiet li ma jitwemnux. Tifhem kemm-il bniedem jista’ jkun kattiv, viljakk, tat-tqalligħ, kiesaħ u aħdar. Kellna kap li fil-parlament wera kemm-il darba l-kapaċita’ tiegħu fl-oratrija, fir-rikkezza tal-ħsieb, fit-tpoġġija tal-argument, fl-eżempju tad-diskors mirqum u meqjuż mingħajr arroganza, fl-intelliġenza u fl-eloqwenza u xorta l-klikka ma tgħallmet xejn.

Il-klikka nħakmet wisq minn għira li ma titwemminx, minn kattiverja essaġerata u minn ħdura bla limitu. Dr Delia kien u għadu l-bniedem maħluq biex jagħmel ħoss qawwi fil-parlament. Kien il-bniedem li seta’ mexxa grupp ta’ nies biex jgħollu l-livell ta’ diskussjoni fil-parlament. Kien il-bniedem li jikkritika kostruttivament billi japprezza wkoll il-ġid li jkun sar mill-avversarju politiku tiegħu.

Kien il-bniedem li ma waqafx jattakka l-korruzzjoni, imma kien ukoll itertaq il-liġijiet imressqa biex jissawru aħjar, kien jofroq kull budget li kien jitressaq biex permezz tal-kritika kostruttiva tiegħu l-affarijiet setgħu jitjiebu. Kien il-bniedem li jinkoraġġixxi lil sħabu f’kull okkazzjoni li jkollhom. Kien il-bniedem li fetaħ ħafna bibien lill-kollegi tiegħu. Kien il-bniedem li ħaseb f’kulħadd u kien deċiż li ma jumilja lil ħadd. Kien il-bniedem li ħareġ idejh għall-koperazzjoni. Kien il-bniedem li pprova jibni l-pontijiet kollha possibbli.

Imma x’jiswa dan jekk il-ħmar tressqu lejn il-ħawt imma xorta ma jkunx irid jixrob? X’jiswa li titlaq timxi lejn nofs il-pont u l-ieħor lanqas biss jitħajjar jagħmel pass biex jersaq lejk? X’jiswa li tipprova targumenta b’mod ċivili u l-ieħor jgħidlek itlaqli ‘l barra? X’jiswa li għalkemm taf li int nadif, sħabek jikkonċentraw biss fuq it-tfigħ ta’ tajn biex iħammġuk? X’jiswa li tagħmel l-almu tiegħek kollu biex tkun ċar u onest mal-Maltin u l-Għawdxin kollha meta jkollok ħmistax u aktar jagħmlu ħilithom kollha biex jikkonvinċu lill-poplu mod ieħor?

X’jiswa li turi lil kulħadd li dak li qed jintqal fuqek huwa kollu gideb u dawk li suppost qed jaħdmu miegħek qed ikomplu jaqilgħu minn żniedhom? X’jiswa li jkollok l-allat foloz li jmorru fuq programmi tat-television u jgħidu li ‘issa li ttieħed il-vot il-kas huwa magħluq u kulħadd irid jimxi wara l-Kap’? Dan qalu Louis Galea wara l-vot ta’ fiduċja madwar sena u nofs ilu.

X’jiswa li galantom ieħor (Jason Azzopardi) għal darba oħra fuq it-television jgħid ‘I am four square behind Adrian Delia’? X’jiswa li jkollok id-deputy speaker li tgħid ‘jiena għandi fiduċja sħiħa fil-kap’? L-eżempji jistgħu jibqgħu għaddejjin u hemm ħafna. Il-mediċina trid teħodha skond id-doża tagħha. Imma meta tibda tieħu d-doża aktar qawwija jibdew jidhru l-effetti.

U hekk ġralhom it-tesserati. Il-ħdura għall-ewwel ma bdietx tagħmel effett. Imma meta l-klikka żiedet u eskalat id-doża valenuża tagħha, fl-aħħar l-effett wasal u l-ġurnata waslet li r-riżultat issarraf. Ħafna mit-tesserati ma tawx tort lil Adrian Delia. Ħafna mit-tesserati ammettew li l-klikka mhux ser tinbidel. Ħafna mit-tesserati qalu li la jidher ċar li l-klikka ma tridx taħdem ma Delia allura kontra qalbna jkollna nippruvaw lil ħaddieħor. Ħafna mit-tesserati kienu jafu li l-klikka jew tikkmanda hi jew tħassar, allura rraġunaw li aħjar iħallu kollox f’idejn il-klikka u jittamaw li ningħaqdu. Ħafna mit-tesserati ħasbu li Adrian Delia ma setgħax jgħaqqad il-grupp u għalhekk ivvutaw kontrih. Ħafna mit-tesserati kienu qed jaraw il-ġlied kbir fil-partit u allura qalu li jekk jinbidel il-kap forsi l-affarijiet jikkalmaw. Ħafna mit-tesserati qalu li l-klikka ser tieqaf tagħmel il-ħsara kif jinbidel il-Kap. Issa l-istorja żvolġiet u l-Kap inbidel. Biss il-ħsara li saret baqgħet hemm.

Tkompli

Leave a Reply