Il-Qasma fil-PN: Ġie injorat ir-rapport tat-telfa 2013 biex jieħdu n-narrattiva ta’ Daphne Caruana Galizia

it-tieni artiklu

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Wara ħafna medikazzjoni fil-feriti li sofrejna bit-tkaxkira enormi u bla preċedent li qlajna, wara li xrobna u nfqajna bit-te bil-lumi, ippruvajna nagħmlu kuraġġ u ppruvajna nsibu xi tip ta’ duwa biex forsi nfiequ minn dik is-saħta li waqgħet fuqna. Emminna li r-ritorn ta’ politiku Ewropew seta’ jsib il-mod kif iħoll dik il-kobba mħabbla, emminna li dan ir-raġel seta’ kellu l-bakketta maġika li jiġbor il-frak u b’xi mod jgħaqqad u jibni xi ħaġa minn dak it-tifrik.

Imma ma’ qgħadniex attenti, ma ndunajniex, ma rrealiżżajniex, lanqas biss għadditilna minn rasna li l-istess nies li tawna dik it-tkaxkira kienu għadhom hemm. Ma fhimniex li għalkemm bdilna l-ġeneral xorta konna għadna mwaħħlin bis-suldati li kienu parti prinċipali minn dik it-tkaxkira enormi.

Nammetti li dawn bilfors hemm kellhom jibqgħu għax aħna vvutajnilhom, għax aħna tellajnihom. Imma rridu nammettu li għamilna żball enormi li erġajna ħallejna f’idejhom. Kważi kważi ħfirnilhom dak kollu li ġabuna fih u erġajna bdejna ngħajtu isimhom, infaħħruhom, erġajna tajnihom il-fiduċja tagħna. U biex inkunu aktar ċwieċ, bla moħħ u aljenati ma tajniex każ x’kienu qegħdin jagħmlu, ħallejnihom jiddettawlna huma u aħna ma rreaġixxejniex, ħallejnihom ipaċpċu huma għax mingħalina li huma kienu l-bravi.

Imma l-akbar żball li stajna nagħmlu kien li ma tlabniex kopja tar-rapport tat-telfa li sar fl-2013. Ma analiżżajniex dak li kien qed jgħid l-istess rapport, imma tfajnih fil-kexxun, ħbejnih jew ħbehulna għax hekk kien jaqbel.

Dr Busuttil stinka, tħabat u ħadem kemm felaħ matul dawk l-erba’ snin imma anke hu ma fehemx li b’suldati telliefa u b’mentalita’ medjokri, ma setax jirbaħ battalji, aħseb u ara gwerra. U din kienet waħda mir-raġunijiet li Dr Busuttil ma twemminx. Il-messaġġ tiegħu kien qed ikun imbierek m inn politiċi telliefa li kienu mdawrin miegħu. L-istess nies li ħaduna għall-tkaxkira fl-2013. L-istess nies li kienu hemm, baqgħu hemm u mid-dehra ser jerġgħu jħalluhom jikkontestaw fl-elezzjoni li ġejja. L-istess nies li għadhom jiffurmaw il-klikka qerrieda tal-Partit. L-istess nies li mimlijin ħdura u nuqqas t’imħabba lejn il-Partit imma li jinteresshom biss mill-aġenda personali tagħhom.

Dr Busuttil, bl-entużjażmu tiegħu u forsi wkoll minħabba l-indikazzjonijiet żbaljati li kien qed jingħata, rikeb fuq il-karru żbaljat, aċċetta n-narrattiva ta’ persuna partikolari u ħadem fuq il-ħsieb ta’ din il-blogger. Hawn qed nirreferi għal Daphne Caruana Galizia, L-entużjażmu waħdu ma jmexxikx fid-direzzjoni t-tajba. L-entużjażmu seta’ kien il-kundanna tiegħu stess. L-entużjażmu ma ħallihx jara ċar, janaliżża tajjeb u lanqas jaġixxi fuq l-istint tiegħu. Imma ħalla lilu nnifsu jittieħed mil-kritika tal-korruzzjoni u daħlulu f’rasu li bl-għajta tal-korruzzjoni biss kien ser jirbaħ. Il-poplu kien jaf li kellna, u għad għandna gvern korrott, imma mill-Partit Nazzjonalista l-poplu ried xi ħaġa oħra u aħjar. Ried viżżjoni, ried ikun jaf kemm ser jiġi affettwat finanzjarjament, ried ikun jaf x’hemm preparat għall-but individwali tiegħu. Ma riedx priedki ta’ kemm kienu korrotti l-parlamentari Laburisti. Lill-Partit Nazzjonalista kienu qed jaslulu messaġġi ċari li l-poplu jistenna aħjar minnu. Imma għal darba oħra l-klikka nfluwenzat l-establishment.

(Tkompli)

Leave a Reply