Ejjew Nazzjonalisti, ejjew ħa nirbħu żgur

Blogpost minn partitarju Nazzjonalista

Religio et patria fejn spiċċajt? Partit Nazzjonalista xi ġralek? Għaliex fnewk b’dan il-mod? Għaliex ġabuk kważi rrilevanti? Għaliex qasmuk f’biċċiet? Jekk fadal kuxjenza fil-ħajja moderna u mgħaġġla tal-lum hemm nies li għad iridu jibku, jitqallbu f’qabarhom meta jgħajtilhom il-Mulej. Dan il-kliem qed, b’qalbi maqsuma, nirreferih għal ħafna ħbieb tiegħi li ffurmaw klikka magħġuna fuq għira, ħażen, konfoffi, ħdura u assassinju tal-karattru.

Ngħajtilhom ħbieb għax magħhom dawn in-nies jien iġġilidt għall-partit, attendejt kull fejn qaluli, irrispondejt għal kull għajta tagħhom u ħdimt spalla ma spalla magħhom. Imma issa għalija dan l-istess grupp iffurmaw klabb fejn jien qatt ma nista’ nitlob biex inkun membru. Dawn iffurmaw għaqda ta’ nies li ħafna mill-partitarji Nazzjonalisti ma jistgħu qatt ikollhom x’jaqsmu magħhom. Dawn iffurmaw grupp ta’ ġakbini li kull min hu serju ma jistgħax javviċina lejhom. Dawn lill-Partit ġabuh għoqda mħabbla, neżżgħuh mill-valuri tiegħu, ċaħdu l-prinċipji tiegħu u taw bis-sieq lil dawk li dejjem imxew wara l-bandiera u ftaħru bil-maduma.

Intom grupp ta’ nies li l-ħsara li għamiltu lill-Partit ser ittawwal għall-ġenerazzjonijiet sħaħ. Intom biddiltu r-regoli tal-logħba politika. Intom ma għadkomx demokratiċi. Intom sirtu dittaturi. Intom ma għadkomx Kristjani għax dak li għamiltu jirrifletti għaġir ta’ nies bla ruħ. Intom żarmajtu dak kollu li missirijietna ħadu għexieren ta’ snin biex bnew. Aħarbu ‘l hemm. Sparixxu. Warrbu. Itilqu. Tbiegħdu mill-Partit tagħna forsi xi darba jerġa’ jieħu r-ruħ.

Bikom fuq quddiem ifisser kundanna kontinwa mill-partitarji tal-partit stess. Intom fil-lista tal-kandidati li jmiss għall-elezzjoni li ġejja jkun ifisser biss nuqqas kbir ta’ voti għall-Partit Nazzjonalista jekk mhux ukoll żieda ta’ voti lill-Partit Laburista. Dawn in-nies ċaqalqu l-lasti fil-logħba. Dawn qatgħu saqajn t-tesserati kif ser jintagħżel kap tal-partit. Dawn iddeċiedew li huma għandhom dritt divin li jekk ma jkunx xi ħadd li jogħġob lilhom ma jaċċettawhx. Dawn bidlu l-istatut mingħajr ma missewh għaliex għamlu kundizzjonijiet, li m’humiex miktuba, ta’ kif jintagħżel kap.

Għalxejn Dr Louis Galea tħambaq u niżżel li ried hu fl-istatut, suppost ġdid u adattat għaż-żminijiet moderni, għax sħabu anke minnu ġew jitnejku. Din il-klikka ta’ nies ġiet illuppjata minn blogger li mhux biss kienet strumentali fl-istrateġija tal-kampanja tal-Partit fl-2017 li sarfet f’falliment totali, talli anke wara l-qtil makabru tagħha (li nibqa’ nikkundanna sa meta mmut) baqgħet tinfluwenzhom mill-qabar. Huwa fatt magħruf li din il-klikka ta’ sbatax-il membru parlamentari u Ewropew u sħabhom żżewġu lil Daphne (metorifikament) għaliex fl-2017 iddettat hi u wara baqgħet tiddetta permezz ta’ kitbitha u ta’ uliedha.

Mela dawn tant huma maħkumin minnha, u mill-għaqdiet li twaqqfu f’isimha, li kull ma jagħmlu u kull ma jgħidu jrid bil-fors ikompli man-narrativa tagħha u tal-għaqdiet f’isimha. Ħarsu kif waħda mill-għaqdiet permezz ta’ bniedem suppost kien Nazzjonalist li anke kkandidha ruħu f’isem il-partit u għamel froġa kbira, x’qallu lill-kap tal-lum. Ħsiebek hemm għax aħna poġġejnik u x’ħin irridu ntajruk. Qed tifhmu ma min qed taħdem il-klikka? Qed taraw kif tbiddlu l-kundizzjonijiet tal-għażla tal-kap?

Araw lil min qed jipproponu jew iressqu ‘l quddiem issa. L-ewwel bdejna b’Commodini Cachia, waħda mill-avukati difensuri ta’ Daphne, allura bil-fors aċċettata. Wara dorna fuq Metsola, li kull ċans li jkollha titfgħalna l-eloġji lejn il-blogger u ftakru kemm ħadmet fl-Ewropa biex tpoġġi lill-istess mara fuq l-għola pedestal. Issa qed isemmu lil Dr Ann Fenech. Illum qegħda tgħin lil Grech li kien wieħed minn dawk li tela’ fuq il-palk jitkellem dwar Daphne.

Għax dan mhux biżżejjed, iridu wkoll iniżżlu minn Brussels lil Casa biex ipoġġuh segretarju ġenerali. Dan ma nafx fadallux kliem biex ifaħħar lil Daphne. Ma nafx fadallux nifs biex ikompli jgħidilna li kien ħaġa waħda ma’ Daphne. Xi kultant il-kuruturi ta’ moħħi jibdew jgħiduli biex nistaqsi kif ġiet din l-intimita kollha ma Daphne. Int li tħobbha tant lil Daphne, int li għalik kull ma għamlet Daphne kien niżel mis-sema, int li kont taħlef li kull ma kitbet kien veritier, int li qabel titkellem kont tieħu l-parir tagħha, int li kont tippubblika ħafna artikli u hawn minn jgħid li kienet tiktibhomlok hi, għal li jista’ jkun m’hemmx xi taħlit ta’ demm magħha, forsi wkoll int qabel twielidt kont diġa parti minnha u jekk mhux hekk forsi wara li twielidt adottatek?

Nazzjonalisti iftħu għajnejkom. Il-partit m’għadux f’idejn nazzjonalisti puri. Il-partit m’għadux jaħseb bħal ma ħasbu missirjietna. Il-partit llum tħallat. Il-Partit il-kulur tiegħu ddardar. Il-partit illum inħataf. Jekk aħna, li ngħidu li l-partit huwa tagħna, għax permezz tal-vot tagħna biss, kollha f’daqqa, jista’ l-partit jibqa’ jeżisti, ma aħniex ser niftħu għajnejna u nħaddmu moħħna qed nissugraw li l-Partit ma jibqax jissejjaħ Nazzjonalist imma forsi jibda’ jissejjaħ a) tar-Repubblika, b) Daphnist, c) tal-elitt d) tan-Nazzjon jew e) Il-Partit Repubblikan għal ġustizzja ta’ Daphne.

Qumu minn hemm Nazzjonalisti. Il-partit huwa tagħna. Il-partit mhux ser jieħduh l-elitisti. Il-Partit mhux ser tieħdu l-klikka. Il-partit tagħna u ma jmissu ħadd. Il-partit ħadd ma għandu xi dritt divin li jieħdu f’idejh. Min jażżarda jaħtaf irid l-ewwel jgħaddi minn fuqna t-tesserati u l-votanti li dejjem ħaddnu l-valuri li ġar miegħu l-Partit Nazzjonalista tul 140 sena ta’ storja.

Ejjew ħbieb. Ejjew inħossu f’qalbna dan il-kliem għażiż għalina li jimlina bil-kuraġġ.

Ejjew Nazzjonalisti, Ejjew bl-eluf minn tagħkom, Ejjew bil-bnadar tagħkom Fis-siegħa tat-taqbid, mill-bliet u l-kampanja għal-ġlieda ta’ l-art tagħna Ejjew għax Alla magħna, ejjew ħa nirbħu żgur.

One comment

  1. Kien hemm zmien meta L partit nazzjonalista kien jinstenna lil daphne tiehu posizzjoni qabel jiddikjara l posizzjoni tieghu fuq xi materja jew ohra.

    Umiliazioni totali kienet dak iz zmien. U illum, il-PN rega gie ghal istess sitwazzjoni. F Isem biss il pn huwa partit. Fir realta huwa ghodda f idejn klikka, kif sejhilha l awtur, daphnista.

Leave a Reply