Deċizzjoni f’waqtha mill-Imħallfa Edwina Grima

Advertisements

It-Times ippubblikat storja li tikkonċerna lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. Bħal ma kulħadd jaf, dawn qegħdin għaddejjin kumpilazzjoni akkużati li kienu l-persuni li qegħdu l-bomba fil-karazza ta’ Daphne Caruana Galizia. Din il-bomba eventwalment qatlet lill-ġurnalista.

Minn dawn ir-rapporti nsiru nafu żewġ affarijiet. L-ewwel li l-avukat mill-uffiċju tal-avukat Ġenerali li kien qed jieħu ħsieb ir-rinviji f’din il-kompilazzjoni ħareġ l-att ta’ akkuża. Dan ħareġ din l-att ta’ akkuża meta x-xhieda ta’ Melvin Theuma kienet għadha sospiża u t-tliet esperti mqabbda mill-qorti kienu għadhom ma lestewx ir-rapport tagħhom. X’ifisser dan? Dan ifisser li meta l-avukat ġenerali ħareġ l-atti tal-akkuża, huwa għalaq il-kumpilazzjoni u b’hekk issa l-atti jistgħu jmorru għall-ġuri. Dan ifisser  ukoll li l-avukati ta’ dawn it-tliet akkużati ma setgħux jagħmlu l-kontro-eżami lil Melvin Theuma u l-anqas li l-esperti legali jġibu r-rapporti tagħhom u jdaħħluhom bħala parti minn dan il-proċess jew kompilazzjoni.

Biss hemm aktar minn hekk wara din id-deċizzjoni tal-avukat ġenerali li joħroġ l-atti tal-akkuża. Dan fisser li la darba l-avukat mill-ufffiċju tal-avukat ġenerali ħareġ l-att ta’ akkuża, dawn ir-rapporti u din ix-xhieda li trid toħroġ mill-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma ma ġietx annessa u ma ddaħħlitx fl-atti tal-akkuża kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. B’hekk l-avukati difensuri issa jridu jistennew il-ġuri biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lil Melvin Thuema. Infakkar li fil-ġuri, il-prosekuzzjoni terġa tressaq ix-xhieda miġbura matul il-kompilazzjoni. Huwa biss id-difiża li ġġib għall-ewwel darba x-xhieda tagħha. Imbagħad, jekk l-esperti tal-prosekuzzjoni ma ġewx imħarrka, tkun trid tħarrakhom id-difiża. Biss wieħed għandu jistaqsi jekk dan hu sew?

L-imħallfa Edwina Grima laqgħet ir-rikors tal-avukati tal-imputati u reġgħet bgħattet l-atti lura għand il-maġistrata Claire Micallef Strafrace li hija l-maġistrata li qed tmexxi l-kompilazzjoni biex terġa tiftaħ il-kumpilazzjoni u jkun jista’ jsir il-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma u jiġu ppreżentati r-rapporti tal-esperti tal-qorti.

Hawn wieħed jistaqsi għala dan il-biża kollu mill-uffiċju tal-avukat Ġenerali biex Melvin Theuma jittella’ jixhed? Qed ngħid dan għaliex anki fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech hemm biża kbira mill-prosekuzzjoni li dan jitqiegħed għall-kontro-eżami tad-difiża tant li l-uffiċju tal-avukat ġenerali għadu ma tellgħux jixhed.    Dak li hu żgur li l-imħallfa Edwina Grima ma trid tħalli lill-ħadd iqegħdilha bżieq fuq imnieħirha. Fi kliem ieħor ma din l-imħallfa ma hemmx ċajt.

https://timesofmalta.com/articles/view/caruana-galizia-alleged-hitmen-expected-back-in-court.843417