Biex tkun taf x’fih id-digriet ta’ Rachel Montebello trid taqra lil Manuel Delia
Quddiem l-istorja ppubblikata f’dawn il-jiem dwari, fejn issemmejt fid-digriet tal-Maġistata Rachel Montebello, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li wrew solidarjeta’ miegħi.
Jidher ċar li l-media stabbilita’ ma ġietx imqegħda taħt disprezz lejn il-qorti, imma jien ġejt imqiegħed taħt disprezz minħabba dak li ktibt. Infakkar li jien ma ktibt xejn speċjali iżda kkummentajt fuq dak li l-media stabbilita’ kienet qed tippubblika. Biss il-media stabbilita’ għandha d-dritt li tippubblika u jiena le. Minħabba li jien ikkummentajt fuq dak li ġie ppubblikat mill-media stabbilita’ ser nerġa nittella’ għal darba oħra quddiem il-qorti fuq l-akkuża ta’ disprezz. Id-daħqa tinsab fil-fatt, li llum, biex ikun naf sew x’fih id-digriet tal-maġistrata Montebello u dak li qed tiddeċidi dwari, irrid naqra l-artikli ta’ Manuel Delia, għaliex dan għandu aċċess għad-digrieti ta’ din il-maġistrata u jien ma għandhiex!
Infakkar li din ser tkun it-tieni darba li din il-maġistrata, jiġifieri, Rachel Montebello, ser tkun qed tqegħdni taħt disprezz. Biss ma jimpurtax. Quddiem din is-sitwazzjoni, jien irċevejt dan il-messaġġ mingħand persuna li fl-imgħoddi kien anki membru tal-esekuttiv tal-Partit Laburista. Għalija dan hu messaġġ ta’ inkoraġġiment, aktar u aktar, meta din il- persuna qegħdha fuq in-naħa l-oħra tal-ispectrum politiku.
“Qed nara l-pressjoni iżżid mill-qrati etc. Jekk għandek bżonn għajnuna mill-ftit tiegħi ngħin. Kienu jgħidu hemm min hu fil-mafja u ma jafx, hemm min jaħseb li hu u mhux u hemm min jaħseb li hu u hu. Qed nifli dak li sar din l-aħħar sena.. .Jista’ hemm ħafna iwerżqu b’korruzzjoni b’narrativa waħda. Qed jipproteġu lill xi ħadd, jafu jew ma jafux?… Anke d-dritt basiku ta’ difiża qed jassaltaw.”
Lil din il-persuna nirringrazzjaha tal-għajnuna finanzjarja li offritli. Jien ma niflaħx inħallas il-kawżi. Biex tagħmel tweġiba għal kawża ta’ disprezz instigata minn Peter Caruana Galizia u wliedu u aċċettata minn Rachel Montebello tiġik fuq 300 Euro. Imbagħad lill-familja ta’ Caruana Galizia, għaliex qed jagħmluha bħala parti mill-proċess, ma jħallsu xejn. Dak proċess ġudizzjarju ekwu!
L-istess jista’ jingħad għall-assitent avukat ġenerali Philip Galea Farrugia meta permezz tan-nota tiegħu, instiga it-tieni akkuża ta’ disprezz mill-maġistrata Rachel Montebello fil-konfront tiegħi. Daqshekk ekwa hija s-sistema ġuridika tagħha. Imbagħad lil din il-familja ta’ Caruana Galizia, il-qrati tagħna jridu jagħtuha balla liri, waqt li fil-jiem li għaddew kien qed jiċċirkla fuq l-Facebook document li juri li fundazzjoni u għaqdiet li jissapportjaw il-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia fil-lista ta’ dawk li jibbenefikaw mill-Community Chest Fund! Fuq kollox il-qorti kkalkulat li din l-familja ħaqqha rikumpens tal-ħin li qed taħli f’dawn il-kawżi.
Jien ma għandix flus għal “top lawyers” li trid tiddepożita eluf ta’ euros qabel ma jibdew ikellmuk. L-avukat tiegħi ser ikun l-avukat li intom il-popolin tużaw. Ta’ dan nirringrazzjah għaliex emmen fil-kawża tiegħi. Min qed jistiga dawn il-kawżi kontra tiegħi jaf sew dawn il-fatti. Min-naħa l-oħra dawk li qed jiftħu dawn il-kawżi kontra tiegħi jafu li mhux qed nieħu l-flus. Tant kemm jafu, li mhux qed jieqfu dawn l-attakki fuqi għax jafu li biex twieġeb għal dawn il-kawżi trid tħallas fuq 300 mitt euro kull darba. Jekk ma tirrispondix imbagħad tiġi kontumaċi. Id-daħqa tinsab fil-fatt li dawk li qed jinstigaw dawn il-kawżi kontra tiegħi l-anqas qed iħallsu sold imġiddem.
B’hekk qed jagħmlu dawn il-kawżi biex jippruvaw ikissruni psikoloġikament u finanzjarjament. Biss mhux ser jirnexxilhom!

Prosit Dr Mercieca kompli sejjer ekk ghax qed tifthilna ghajnejna, kiku ma nafu xejn xinhu ghaddej. Soledarjeta mieghek.