L-Istorja tal-Qasam fil-PN L-ewwel artiklu
Blogpost minn partitarju Nazzjonalista
Ser inġib sensiela ta’ artikli li jitkellmu dwar l-istorja ta’ kif ġiet iffurmata l-klikka fil-Partit Nazzjonalista. Din l-istorja ser tkun maqsuma fuq erbgħa artikli. L-istorja tal-klikka tibda fl-2008 u din tibqa’ sejra sal-lum.
Fl-għeluq il-140 sena mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista, flok iċċelebrajna anniversarju glorjuż u sinifikanti qed niċċelebraw dak li jista’ jkun, allaħares qatt ngħid jien, it-tmiem ta’ dan il-Partit. Imma kif ġejna f’dan l-istat ta’ meskinita’ f’era diġitali li suppost tatna l-għodda kollha neċessarja biex inxerrdu l-messaġġ politiku tal-Partit tagħna n-Nazzjonalisti? Għaliex spiċċajna fi stat li l-partit tagħna spiċċa attakkat minn kulħadd għax bħala oppożizzjoni qiegħed fl-agħar żminijiet tiegħu? Għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jiġi attakkat minn angoli differenti li qed jistqarru li qatgħu qalbhom li naraw oppożizzjoni li tiffunzjona, li kapaċi tikkritka, li kapaċi tipproponi ġid għall-poplu kollu Malti u Għawdxi? Għaliex dan il-Partit tagħna spiċċa fuq id-difiża meta suppost mill-oppożizzjoni aħna qegħdin fuq l-attakk, attenti, ikkonċentrati, magħqudin u uniti fi kliemna, fil-kritika tagħna u fil-pożittivita’ tal-pajjiż?
Veru li l-Partit, u allura aħna, ilna snin twal naqilgħu tkaxkira waħda wara l-oħra. Veru li l-Partit ma għarafx jibqa’ viċin in-nies meta fl-2008 il-poplu wissiena li qed indejquhom, qed inqażżuhom, qed inbegħeduhom, qed nitilfuhom. Dak inhar, fis-suppervja tagħna, ħsibna li n-Nazzjonalisti ser jibqgħu xorta warajna, ser jibqgħu jonorawna bil-vot, ser jibqgħu jaċċettaw l-azzjonijiet tagħna. Jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna rridu nammettu li fl-2008 ma tajna kas ta’ xejn u ta’ ħadd ħlief li nibqgħu għaddejjin qisna kellna xi maġġoranza invinċibbli. Meta niftakar f’dak kollu li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u niftakar fid-diżastru assolut fl-imġieba tal-membri Parlamentari tagħna mill-2008 ‘il quddiem, nitħassar lin-Nazzjonalisti kollha u ngħid imma kif ma ndunajniex li l-politiċi (mhux kollha) li kienu qed jippreżentawna kienu saru allat, kienu saru nies suppervi, kienu saru nies arroganti, kienu saru nies li warrbu l-valuri u l-prinċipji Demokristjani, kienu qed jaraw lilna, Nazzjonalisti bħalhom, dubbien.
Kemm konna għomja, devoti lejn il-partit. Bdejna naraw it-tibna f’għajn l-avversarji tagħna u ma nindunawx u ma nħossux it-travu li kien f’għajnejna stess. Kemm konna ċwieċ li ma qbadniex il-parlamentari tagħna u tajnihom dirsa papali, ma tajnihomx kliem iebes biex forsi konna nġiebuhom f’sensihom, ma għeżżiżnihomx waħda tajba biex infakkruhom li huma qegħdin fil-poter għax aħna poġġejnihom hemm. Ma fakkarnihomx li ebda wieħed u waħda minnhom ma kellhom dritt divin li jibqgħu hemm. Ma widdibnihomx li aħna poġġejnihom u aħna nwarrbuhom.
Meta niftakar f’dak iż-żmien, nirrabbja u ninfiska. Dak iż-żmien kien il-bidu tat-tifrik tal-Partit. Iva ngħid kissirna għax aħna l-partitarji u l-akkaniti missna għamilna ħafna iżjed. Missna xammejna x’inhu ġej. Ma missniex emminnihom u fdajnihom. Ħallejnihom jittnejku bina u jibqgħu jbellgħulna sal-ġurnata tal-elezzjoni li kellna vantaġġ fuq l-avversarji.
Biss illum nistqarr mingħajr ebda dubju ta’ xejn li l-allat tal-partit kienu jafu li ser nieħdu tkaxkira, kienu jafu li ser nieħdu daqqa l-isfel. Imma, Alla jista’ kollox, kif ma xammewx tkaxkira ta’ 36000 vot, għax baqgħu jaħsbu li konna ser nitilfu b’xi 14000 vot. Ara lil min konna qed nafdaw? Ara kemm konna ċwieċ? Ara kemm aħna, għax bqajna nemmnu fl-allat foloz tagħna, bqajna naħdmu u nistinkaw sa meta xxandar ir-riżultat li ħallina qisna ntamati, bla kliem. Dr Gonzi ħdimt għall-pajjiż imma ħraqt il-Partit. L-inkwiet nazzjonali kien enormi u filġek. L-isfortuna daret fuq il-Partit. Il-pajjiż salva, l-partit għereq.
(Tkompli)
Mhux aroganza ikollok PM jghed lil poplu nogholi bil qalb IL kontijiet ta servizzi u IL poplu gharkuptejh Mhux aroganza ikollok Ministru AG aaroganti lil in natura addu ma ghamletx bhallu jghed nistghu ma imorrux IL parlament u nghadu IL ligijiet .U X nghedu b magoraanza banketta b tliet saqajn jibqa ikaxkar sa l ahhar u jaffu li ha jiehdu tkaxkira u jibqaw jitamaw lil partitarji fidili li ha jirbhu.