Kemm ser idum ma jiddeċidi l-Kummissarju tal-Istandards?
Waħda mill-istejjer ewlenin li kellna f’Diċembru tal-2020 kienet dik li tikkonċerna tranżazzjoni jew aħjar bejgħ ta’ propjeta’ ġewwa l-Imdina, li fih kien hemm involuta l-kumpanija Greens Eye Ltd u Yorgen Fenech. Imbagħad, matul il-perjodu tal-konvenju, is-segretarju ta’ din il-kumpanija, Pierre Lofaro, ta’ senserija ta’ mitt elf euro lil żewġ minn nies. Skont kif ġie rrappurtat fil-media. waħda milli ħadet is-senserija fi flus kontanti kienet l-Onorevoli Rosianne Cutajar.
Dan wassal biex il-Kummissarju tal-Istandards, jiġifieri George Hyzler, fetaħ investigazzjoni fuq l-Onorevoli Cutajar. Ma nafx għalfejn dan il-Kummissarju tal-Istandards qed idum daqshekk biex ilesti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-Onorevoli Rosianne Cutajar meta l-liġi tal-istandards hija ċara u xogħolu jirrigwarda biss l-għemejjel ta’ ministri u segretarji parlamentari mit-30 ta’ Diċembru 2018 ’i quddiem. Mela dan hu każ li jista’ jinvestigah.
Issa skont il-gazzetti, din it-tranżazzjon bejn ir-raġel tal-imħallfa Lofaro u l-Onorevoli Cutajar saret f’Mejju 2019. Issa meta kien ġie rrappurtat li sar dan il-konvenju, Cutajar kienet għadha ma saritx Segretarju Parlamentari iżda kienet biss membru parlamentari. Għalhekk ma nistgħax nifhem għaliex il-Kummissarju tal-Istandards għadu ma ddeċidiex mil-ewwel, kif kien għamel fil-każ tal-ilment li kien ressaq quddiemu l-Onor Jason Azzopardi dwar il-ħlas tal-Lukanda f’Tel Aviv. Tajjeb wieħed ifakkar li meta Jason Azzopardi ressaq dan l-ilment, bħala avukat kien ġa jaf li dan il-kummissarju ma setgħax jinvestigah.
Infakkar ukoll lill-pampaluni tar-“rule of law” li kien biss fil-budget li sar f’Ottubru tal-2019 li l-Ministru tal-Finanzi ħabbar li Malta kienet ser tipprojbixxi tranżazzjonijiet finanzjarji “cash” li jeċċedu l-€10,000. Permezz ta’ legal notice 26 tal-2020, li ġiet ppubblikat fi Frar 2020, iżda b’effett retroattiv mil-1 ta’ Jannar 2020 din il-legal notice ddaħħlet “into force” u b’hekk kull tranżazzjoni li tkun ta’ 10,000 euro jew aktar ma tistgħax issir bi flus kontanti. Dan ifisser li anke kieku verament ħadet xi senserija l-Onor Cutajar ma kienet qed tikser ebda ligi. Dak li hu żgur, Cutajar kienet obbligata tiddikkjarahom fit-taxxa, bħala dħul għas-sena 2019.
Mela fuq naħa għandna fatt li dawn ma għamlu xejn kontra l-liġi. Fuq naħa oħra, għandna fatt ieħor li l-budget ta’ Ottubru 2019 irrikonoxxa li dawn it-tranżazzjonijiet kbar fi flus “cash” huma potenzjalment vehicle ta’ ħasil ta’ flus. F’dan il-kuntest, huwa interessanti kif ser jagħti s-sentenza tiegħu l-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi.