Il-kwota femminili fil-parlament

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Nixtieq nirreferi għal dak li kiteb Dr. Simon Mercieca dwar id-diskussjoni li għaddejja bħal issa fil-grupp parlamentari Nazzjonalista. Hemm min qabel u hemm min ma qabilx. Jiena wieħed minn dawk li nemmen ħafna fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Imma m’hiniex lest li nikkondividi argumenti li jippruvaw jikkonvinċuni li nagħti xi ħaġa lil xi ġeneru minnhom.

Meta dan l-argument inqala’ snin ilu jien kont irraġunajt li jekk iridu b’xi mod jaġevolaw in-nisa fil-politika kellhom iżidu dawn is-siġġijiet fil-parlament fil-bidu tad-diskussjonijiet u mhux jibqgħu jkarkru fid-diskussjonijiet ħalli jippruvaw jagħtu vantaġġ lin-nisa fl-elezzjoni li jmiss. Għalija ntilef ċans tajjeb fejn wara l-elezzjoni li għaddiet misshom taw 6 siġġijiet kull wieħed mill-partiti l-kbar, b’hekk ikunu taw l-possibilita’ kollha biex it-tnax il-mara jaħdmu bħala membri parlamentari, juruna l-kapaċita’ tagħhom, juruna kemm verament huma jdoneji li jibqgħu jżommu posthom fil-parlament u fl-elezzjoni ta’ wara l-poplu jkun jista’ jagħmel il-ġudizzju tiegħu fuqhom u fuq il-membri parlamentari kollha.

Kieku sar hekk dak in-nhar kien jkun hemm diversi vantaġġi. Il-parlament kien jirrikkixxi ruħu bil-preżenza ta’ tnax il-membru ieħor. Kien ikun hemm aktar parteċipazzjoni tas-sess femminili fid-diskussjonijiet li huwa dejjem meħtieġ. Kien ikun hemm għażla aktar miftuħa għall-Prim Ministru biex jagħżel il-kabinett tiegħu u l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ikollu għażla akbar għall-kelliema tiegħu. Id-diskussjoni fil-parlament kienet tkun aktar interessanti għax jitwasslu aktar punti u argumenti la kien ikun hemm aktar parlamentari.

Ovvjament dan huwa argument li l-aktar li jopponu għalih huma l-kandidati irġiel ġodda u sa ċertu pont għandhom raġun. Jista’ jirriżulta li fl-elezzjoni li ġejja jkun hemm kandidat raġel li jibqa’ ma jitlgħax filwaqt li kandidata mara, li għalkemm tkun spiċċat f’numru ta’ voti ħafna inqas minn kandidati rġiel, issib postha fil-parlament. Jekk naċċettaw dan ir-raġunament inkunu f’xi mod għamilna xi tip ta’ ġustizzja lill-kandidati nisa u ikkastigajna lill-kandidati rġiel. Jien dan il-pass ma nistgħax naqbel miegħu.

Jekk in-nisa jridu s-siġġu parlamentari jridu jaħdmu għalih daqs l-irġiel. Jiena nemmen li jekk tagħti dan il-privileġġ lin-nisa fl-elezzjoni li ġejja tkun qed tagħtihom vantaġġ mhux mistħoqq. Dawn l-istess kandidati nisa jistgħu jieħduha easy waqt il-kampanja elettorali tagħhom, iżommu kliemhom dejjem meqjus ħalli ma jdejqu lil ħadd u jistennew biss li jkollhom voti biżżejjed li jidħlu fil-parlament mit-tieqa flok mill-bieb. Dik x’ugwaljanza hi?

Jiena ma rridx ninstema’ negattiv peress li ġej mis-sess maskili. Jiena m’għandi xejn kontra n-nisa, anżi jien ammiratur kbir tal-kapaċita’, tal-argumentazzjoni, tad-diskorsi, tal-preżentazzjoni dettaljata, tal-flessibilita’ u ħafna affarijiet oħra li f’ħafna okkażżjonijiet jiġru bina l-irġiel. Imma jien tant jien favur l-ugwaljanza, li naħseb b’din l-azzjoni fil-parlament, inkunu qed innaqsu ħafna mill-kapaċita’ femminili. Aħna dejjem għidna li ‘behind every great man is a great woman’. Jekk naqilbu l-kwotazzjoni jiena ċert li din tibqa’ tgħodd jekk mhux issir aktar b’saħħitha. Ir-raġel ħafna drabi jasal għax ikollu lil martu twieżnu u tgħinu. Issa rridu nagħtu ċ-ċans lill-mara biex tkun fuq quddiem u r-raġel iwigħżienha u jgħinha. Biss il-Partiti iridu wkoll jagħtu s-sehem tagħhom.

Imma fiż-żewġ okkażżjonijiet ebda rigal ma għandu jinagħta imma jaħdmu flimkien biex jaslu għal riżultat pożittiv. Il-mara Maltija hija meqjusa bħala bniedma ħawtiela, ma tafx x’inhu l-għażż, dejjem taħdem għaliha u għall-familja, ma tafx xi tfisser tieqaf u fuq kollox irregalatha bl-akbar rigal li tista’ twassal tarbija fid-dinja. Dan il-privileġġ ta’ omm jagħtiha aktar possibilita’ li tħares aktar il-barra mil-familja tagħha. Dan il-privileġġ ipoġġiha f’pożizzjoni aktar avvantaġġjata għax il-mara twassal il-ħsieb, l-argument, id-diskussjoni, il-valuri u l-prinċipji politiċi b’aktar imħabba u perswazzjoni.

Għeżież politiċi nisa titfgħux il-ġebla fuq saqajkom. Ieqfu għad-drittijiet tagħkom mingħajr għajnuna ta’ ħadd. Uru l-kapaċita’ tagħkom intom mingħajr ebda privileġġi. Aħdmu u tirnexxu. Aħdmu u taslu. Aħdmu u s-siġġu ikun tagħkom. Aħdmu u tkunu tistgħu tgħidu, dak tiegħi għax ħdimt għalih jien. Dak tiegħi għax wasalt hemm b’ħilti. Dak tiegħi u ħadd ma rregalahuli. Kuraġġ. Fil-parlament hemm bżonnkom imma b’mod ugwali daqs l-irġiel.

Leave a Reply