Joseph Muscat u Adrian Delia: X’hemm x’jgħaqqadhom?
Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista
Kemm smajna affarijiet fuq żewġ protagonisti politiċi. Kemm qalgħu fuq wiċċhom. Kemm pruvaw jagħmlulhom ħsara. Kemm għaddew minn kalvarji. Imma bejn dawn it-tnejn min-nies nistgħu nagħmlu xi paragun?
Dawn iż-żewġ personaġġi politiċi huma Joseph Muscat u Adrian Delia. It-tnejn kienu fit-tmun tal-partit politiku tagħhom. It-tnejn mexxejja li raw iż-żmien tagħhom jgħaddi minn diffikultajiet kbar. Imma Joseph Muscat għaliex spiċċa barra? S’issa għad m’għandna l-ebda prova konkreta li hu kien imdaħħal f’xi ħaġa kriminali. Spekulazzjonijet hemm ħafna imma sal-lum għadu ħadd ma ressaq prova konkreta li hu kriminal jew resquh fuq atti kriminali. Adrian Delia qalgħulu minn kollox u bħal Joseph spiċċa barra. Lanqas hu ma għandu ebda akkuża kriminali fuqu imma fl-aħħar waslu biex qaċċtuh. Joseph kellu jitlaq hu, Delia telquh. Sa hawn nistgħu nużaw xi xenarju fejn dawn iż-żewġ personaġġi jistgħu jixxiebħu.
Differenzi hemm ħafna iżjed. Joseph għadu għaddej minn battalji li għad forsi jistgħu jwasslu għal xi ħaġa kriminali, Delia spiċċa liberu imma mhux liberat. Waħda mill-akbar differenza bejn dawn iż-żewġ politiċi hija din, Joseph Muscat ittajjar mill-avversarji politiċi tiegħu imma Adrian Delia ittajjar minn min suppost kien jgħinu u jaħdem spalla ma spalla miegħu.
Muscat kellu jitlaq u jidher ċar li t-tort hu kollu tiegħu. Delia kellu jitlaq u ma kellu ebda tort imma sħabu baqgħu jissikkaw l-ingassa ma’ għonqu. Muscat baqa’ sal-aħħar jiddefendi lil sħabu, Delia baqa’ sal-aħħar jaqla’ minn sħabu. Muscat għamel minn kollox biex jara li sħabu għalkemm jidhru midimbin ma jispiċċawx imsallbin mill-ġustizzja, ma jispiċċawx mixlijin b’xi ħaġa kriminali li setgħet twassalhom għal kundanna ta’ ħabs u sa kważi l-aħħar żminijiet tiegħu xorta sab l-appoġġ. Delia ma baqax biss jiddefendi lil sħabu u jerfa’ ir-responsabilita’ hu, imma talli baqa’ joħroġ l-id tal-ħbiberija sal-aħħar ġurnata li baqa’ jmexxi u xorta baqa’ jaqla’ daqqiet kontinwi tal-istalletti.
Muscat kellu lil sħabu jippruvaw jgħattuh u jitfgħuh fuq wara ħalli jnaqqsuli mill-attakki direttament fuqu. Delia kellu lil sħabu jagħmlu ħilithom kollha biex kull ma kien jiġri fil-partit tiegħu jdawruh fuqu u jpoġġuh quddiem ħalli dejjem jaqla’ hu. Muscat kellu lil sħabu jiddefenduh f’kull okkazzjoni li jkollhom, Delia kellu lil numru kbir minn sħabu jattakkawh f’kull okkazzjoni. Muscat kellu lil sħabu u l-media tal-partit jaraw kif ser ixerrdu t-tajjeb magħmul minn Muscat, Delia kellu lil sħabu u l-media tal-partit idawwru u jattakkawh fuq kull ħaġa li jagħmel. Muscat kellu lil sħabu jitkellmu u jiktbu favur tiegħu fuq kull ħaġa li kien jagħmel bħala Kap tagħhom, Delia kellu lil sħabu jitkellmu u jiktbu kontra tiegħu fuq kull ħaġa li kien jagħmel. Muscat kellu l-magna tal-partit li mill-ewwel ġurnata li sar Kap kienet taħdem favur tiegħu biex tgħollih fuq l-isbaħ u l-iprem pedestal, Delia minn qabel l-ewwel ġurnata kellu l-magna tal-partit taħdem kontrih u għamlu ħilithom biex jneżżawh għarwien minn kull rispett politiku. Muscat kellu l-appoġġ ta’ kull persuna li taħdem fil-partit u fil-media, Delia kellu salt ġakbini fl-istess uffiċini tal-partit u tal-media.
Din il-magna Laburista magħquda favur il-mexxej tagħhom ħadmet kemm felħet u rnexxielha. Muscat sar alla tal-partit, sar dik il-persuna li setgħet twassal lil partit tiegħu fil-gvern meta kien mexxej tal-Oppożizzjoni. Għal kuntrarju (u l-kuntrarju huwa kbir) Delia l-magna tal-partit ħamġitlu ismu minn qabel ma tefa’ ismu bħala kandidat. Il-magna tal-partit ta’ Delia baqgħet għaddejja minn assalti biex flok tgħinu, tfixxklu. Muscat, il-magna tal-partit tiegħu tant ħadmet li mhux biss ġab it-tesserati tal-partit kollha favur tiegħu imma rnexxielu jgħaqqad il-maġġoranza tal-poplu warajh u wara l-partit tiegħu. Bil-kontra l-magna tal-Partit Nazzjonalista ħadmet kemm felħet biex flok l-għaqda twassal il-firda, flok jiżdiedu t-tesserati għall-partit jiżdiedu t-tesserati għall-klikka biex meta jiġi l-waqt jintużaw biex iqaċċtuh u l-partitarji u l-votanti flok avviċinaw, tbiegħdu. L-aħħar raġuni fejn toħroġ differenza kbira bejn dawn iż-żewġ mexxejja tal-partit rispettiv tagħhom kienet il-grupp parlamentari. Muscat fl-oppożizzjoni kellu grupp fejn kelma ta’ tgħajjir qatt ma nstemgħat u dejjem ħarġu mil-laqgħat daħqanin u jistqarru l-istess kelma lil kull min jistaqsihom speċjalment il-ġurnalisti. Fil-grupp parlamentari Nazzjonalista l-istorja kienet totalment differenti. Xi membri tal-grupp lanqas kienu jistennew biex jistaqsuhom il-ġurnalisti għaliex kienu jkunu huma stess li jibagħtu l-informazzjoni lill-ġurnalisti meta l-laqgħa tkun għadha għaddejja. Il-grupp parlamentari Nazzjonalista għamel ħafna u ħafna ħsara lil Delia. It-tgħajjir waqt dawn il-laqgħat ta’ uħud mill-membri parlamentari tant kien isir b’leħen għoli u kattiv li kien jinstema’ mit-triq. Dawn qatt ma ħarġu minn laqgħat tal-grupp jitbissmu jew kuntenti. Anzi l-kuntentezza tagħhom kienet tkun meta jkunu jafu li kulħadd sar jaf kemm għamlu l-ħajja tal-Kap tagħhom diffiċli.