Ryan Gatt u d-disonesta’ politika

Dalgħodu, jien tellajt blogg ta’ kritika minħabba artiklu li kiteb Matthew Vella tal-Malta Today. Bi żball jien għidt li Matthew Vella rrefera għal fatt li Delia ta’ €1000 lill-Partit Nazzjonalista. Fil-verita’, fl-artiklu tiegħu, Vella kien qed jirreferi għal €1000 li Beppe Fenech Adami, ħu Michael, Francis Zammit Dimech u oħrajn marru jagħtu lid-Dar tal-Providenza fl-istudios tal-We ġewwa Ħal Qormi waqt il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi f’riżq din id-dar. Ftit minuti wara rrealizzajt li ħadt żball u rrangajtu. Ta’ dan l-iżball niskuża ruħu.

Ċertu Ryan Gatt, li ma nafx jekk hux xi fake profile jew le, iżda dan ftit jimporta, kiteb fil-blogg tiegħi. Nifhem il-kritika tiegħu u napprezzaha. Iżda dan huwa wieħed minn dawk tal-establishment preżenti fil-PN. Hu interpreta dan l-iżball bħala xi azzjoni malizzjuża min-naħa tiegħi. Hu kiteb hekk:

Min qed isegwi dan il-blogg għandu jkun jaf li dan hu dak li kiteb oriġinarjament il-professur tal-Universita ta’ Malta, Simon Mercieca, qabel ma malizzjożament bidel l-artiklu. L-iskop kien li japprofitta ruhu minn ġest NOBBLI li għamel Dr.Adrian Delia u jiżra l-mibgħeda. Bil-kemm għadha bdiet is-sena.”

Fil-verita’ ma nafx min irid jiżra l-mibegħda jekk hux jien jew dan Ryan Gatt. Jekk wieħed jaqra l-artiklu oriġinali ta’ Matthew Vella, dan il-ġurnalista pprova jdaħħal dubji fuq Adrian Delia u wara kkoreġa ruħu. Huwa staqsa mnejn ġew il-flus u b’hekk tefa’ dubju kif Adrian Delia kien kapaċi jiġbor dawk il-flus kollha. Fuq kollox, hu semma l-istorja ta’ Soho, li llum kulħadd jaf li din mhix storja vera. Wara ftit, Matthew Vella neħħieh dan il-kumment. Naħseb li dan kien verament kumment malizjuż.

Fuq kollox, Matthew Vella ma qal xejn dwar it-transmissjoni fuq NET TV li ġiet maqtugħa u wisq anqas dwar il-fatt li ftit qabel ma Adrian Delia kellu jkun on air, biex jippreżenta l-għotja ta’ €22,775 miġbura mill-partitarji tiegħu, kien hemm fl-istudio Francis Zammit Dimech, Beppe Fenech Adami, u ħuh Michael fost l-oħrajn. Jien fuq din id-disonesta qed nikteb. Issa tafu min hu malinn u min irid jgħid is-sewwa. Nagħlaq billi ngħid lil dan Ryan Gatt li jien il-kummenti tiegħu kontrija nħallihom fuq il-blogg tiegħi. Ara sħabu u bloggers pro-Bernard Grech, il-kummenti kontra tagħhom ineħħuhom jiġru u jibblokkaw lin-nies. Issa kulħadd jikkonkludi min hu onest u min mhux. Min jieħu żball ġenwin u min le.

Ta’ dan l-iżball li għamilt dal-għodu, nerġa’ niskuża ruħi.  

Leave a Reply