Adrian Delia: Bniedem ta’ qalb kbira

Meta bniedem intelliġenti jitħalla jaħdem, anke waħdu jasal biex iwettaq ħafna affaraijiet u jirnexxielu jakkwista ħafna riżultati. Fl-ewwel ġurnata tas-sena rajna affarijiet li lil ħafna minnha, Maltin u Għawdxin, irridu nirriflettu fuqhom. Jien wieħed minn dawk li tajt id-donazzjoni tiegħi żgħira għax bħala penzjonant dak flaħt nagħti. Għaddejtha lil grupp ta’ nies li kienu qiegħdin jgħinu lil dan ir-raġel b’qalb kbira.

Wassal id-donazzjoni tiegħi d-Dar tal-Providenza. Ma marx b’tiegħi biss imma il-ftit miġburin minn ħafna u magħqudin flimkien għamlu somma sabiħa ta’ €22,775. Kien hemm kontribuzzjonijiet li waslu għandu għax persuni riedu jgħinu u użaw lilu biex iwassal d-donazzjonijiet tagħhom. Imma spjega wkoll l-inizzjattiva tiegħu biex ġabar iżjed u laħħaq dik is-somma sabiħa. Il-messaġġ ta’ dan ir-raġel umli u fl-istess ħin ġeneruż emfasizza li meta jkollok grupp ta’ nies jgħinuk u tagħtihom direzzjoni, tasal u twassal. Dan il-qawl taljan jesprimi tajjeb il-ħsieb tiegħu ‘L-unione fa la forza’.

L-ammont, għalkemm sabiħ, ma kienx biżżejjed għalih. Qalilna li ħadem fuq kuntatt li ngħata minn ħabib tiegħu u beda jistudja din il-possibilita’ mill-ewwel. Ħaġa sabiħa li qalilna kienet li hu ma ħadimx minn wara dahar ħadd għax mill-ewwel informa lid-direttur tad-Dar Tal-Providenza u mingħajr ma wiegħdu xejn qallu x’ser jipprova jagħmel. Dan ix-xogħol għamlu fil-kwiet ta’ daru. Tkellem, iddiskuta, ħeġġeġ, ikkonvinċa u wasal biex din il-kumpanija, li qalilna min hi, għamlet donazzjoni ta’ €500,000 lil din id-Dar. X’ġenerożita’ ta’ nies. Kemm hi ħaġa sabiħa li tagħti spalla lil min hu bil-bżonn. Qalilna dan il-ġeneruż li jrid jara li Fr Martin ma jaqta’ qalbu qatt. Wiegħdu s-serħan il-moħħ u qallu li beħsiebu jkompli jaħdem biex din il-kumpanija tkun tista’ tgħin fuq affarijiet oħra.

Imma l-imsaren fiż-żaqq ħafna drabi jinkwitaw lin-nies. Din id-darba l-imsaren ta’ ġurnalist tal-Malta Today min jheddu jew għax imqabbad (xi ħaġa li diffiċċli nkun naf) prova jitfa’ dubbju, jew kif ngħidu aħna jitfa’ t-tajn, biex joskura jew jimplika li dan il-bniedem ġeneruż iċċappas b’xi ħaġa. Staqsa kif dan ir-raġel ta’ qalb kbira li, skont il-ġurnalist, dejjem kien nieqes mill-flus seta’ jagħti donazzjoni bħal dik mingħajr ma jkun imdaħħal f’xi ntriċċi. Trid tkun diżonest, pwerili, disgustanti, immatur, amateur fil-ġurnaliżmu, moqżież u fuq kollox giddieb biex tasal li tikteb insinwazzjoni bħal din. Ara veru tkun bniedem li tgħir u li tixtieq tagħmel id-deni lil ħaddieħor biex titfa’dubbju anke fuq messaġġ ta’ ġenerożita bħal din. Trid tkun bniedem bla qalb li tiddubita li l-għajnuna tant meħtieġa lil din id-Dar ixxandar li ġejja mill-ħmieġ. Inħalli lill-qarrejja jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom dwar dan l-imbeċilli.

Imma ħa nasal għall-punt politiku. Lil dan ir-raġel ta’ qalb kbira għamlulu minn kollox biex ma jħalluhx jaħdem matul tlett snin sħaħ. B’riżultat ta’ dan, minn meta ħa r-rigni f’idejh tal-Partit Nazzjonalista, ma seta’ qatt imexxi grupp ta’ parlamentari magħqud għax ma aċċettawx it-tmexija tiegħu mill-bidu. Barra din il-ħsara f’dan il-grupp, din l-istess ħsara u nuqqas ta’ għaqda tfirxet mas-setturi kollha tal-partit u saħansitra waslet biex influwenzat lit-tesserati u lill-votanti. Din in-nuqqas ta’ għaqda u ġabiniżżmu wasluna biex dan il-bniedem inteliġenti u ta’ qalb kbira tneħħa mit-tmexxija.

B’dak li sar fl-ewwel ta’ Jannar, jagħtina messaġġ ċar li kieku dan ir-raġel tħalla jaħdem, imma mhux biss, kieku ta’ madwaru ħadmu u għinuh kieku l-Partit Nazzjonalista qiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiġġieled lill-partit fil-gvern b’mod qawwi ħafna. Magħqudin flimkien b’mexxej sod, inteliġenti, innovattiv, immaġinattiv, enerġetiku, ma jaqta’ qalbu qatt u fuq kollox ġeneruż il-poplu Malti kien ikollu viżżjoni ċara ta’ kif jitqassam aħjar il-ġid nazzjonali ma kull individwu. Grazzi Dr DELIA. Grazzi KAP. Grazzi talli l-ġenerożita tiegħek hija superjuri għal mibegħda li rċevejt minn sħabek stess. Grazzi talli għalkemm tellief fin-numri b’attakki kattivi u bla rażan, int ta’ bniedem b’qalb kbira li int, bqajt għaddej mhux biss fuq livell politiku imma anki fuq livell filantropiku.

Leave a Reply