X’hemm jistenniena s-sena d-dieħla marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?

Tiftakru meta ftit aktar minn sena ilu, Helena Dalli  kellha l-“grilling” biex issir Kummissarju Ewropew. Meta ġiet mistaqsa fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hija qalet li dan kien femiċidju. Din id-dikjarazzjoni ta’ Helena Dalli ġabet ċertu reazzjoni mill-media ta’ favur Daphne Caruana Galizia u anki mill-Partit Nazzjonalista. L-emfasi kien fuq il-kelma tad-diskussjoni kien fuq il-kelma femiċidju.  Claudette Buttigieg kienet irrappurtata minn the Times tgħid li din id-deputata Nazzjonalista “slams Helena Dalli for describing Daphne Caruana Galizia murder as ‘femicide’”. (Tuesday 8, October 2019).

Infakkar, li b’din il-kelma, wieħed jifhem li mara tinqatel għaliex hija mara u l-qtil tagħha jsir f’kuntest lokali. Fi kliem ieħor, meta wieħed juża dan it-terminu, jkun qed jindika li dan kien delitt relatat ma’ dak li bl-Ingliż jissejjaħ “a sex-based hate crime”. Għall-inqas, dan kien is-sinifikat li l-awtriċi femminista, Diana E. H. Russell, tat lil dan it-terminu meta wżatu għall-ewwel darba fl-1976.

F’artiklu li nkiteb f’The Times dwar dan il-qtil, Patri Eugene Paul Tuema OFM kien kiteb li l-Kummissarju Dalli qalet li dan hu delitt ‘PRIMARJAMENT” (primarily) ta’ femiċidju. Naħseb li l-emfasi tad-diskussjoni kellha tkun fuq din il-kelma “PRIMARJAMENT”, aktar milli fuq il-kelma femiċidju.

Għaliex Helena Dalli rabtet dan il-qtil PRIMARJAMENT ma’ “a sex-based hate crime”? Kellha xi informazzjoni li aħna ma nafux biha li tista’ titfa’ suspess li dan id-delitt SETA’ kien ‘a sex-based hate crime’ u b’hekk ma kellux x’jaqsam mal-politika u l-ġurnalizmu? Jew Dalli qalitha biss għall-konvenzjoni politika?

Il-mistoqsija li trid issir hawn hija din. Għaliex it-tliet imħallfin li mexxew l-inkjesta qatt ma bagħtu għal Helena Dalli u staqsuha għaliex hija kienet tkellmet hekk fuq dan id-delitt faħxi? Jekk għall-argument, dan id-delitt huma “PRIMARJAMENT” ‘a sex-based hate crime’, l-istat ma għandu l-ebda risponsabilita’ f’dan il-qtil. Infakkar li x-xogħol ta’ din l-inkjesta huwa li jaraw jekk dan id-delitt setgħax ikun evitat jew le? Jekk verament dan kien femiċidju, kull persuna vittma ta’ femiċidju għandha dritt għar-rikumpens mill-istat għaliex l-istat falla milli jħarishom. Għalhekk nemmen li kieku din kienet inkjesta serja, dan il-punt kellu jkun iċċarat.

Biss hemm it-tieni aspett. Hemm l-investigazzjoni tal-pulizija li minħabba fiha hemm persuna miżmuma l-ħabs. Jekk Dalli qalet dak li qalet, qalitu għaliex kellha xi xamma jew informazzjoni li dan id-delitt seta’ kien ‘a sex-based hate crime’? Għaliex il-pulizja qatt ma bagħtet għal Helena Dalli biex tistaqsiha dwar dan il-fatt? Għaliex il-pulizija qatt ma riedet titkixxef għala Helena Dalli ddefinit dan il-qtil bħala “PRIMARJAMENT” femiċidju?

Naħseb li dwar dan il-punt, ser ikollna ħafna diskussjonijiet u tagħrif ġdid matul din is-sena li llum għadha kif tibda.

Leave a Reply