Hemm obbligu morali li tieħu t-titqiba kontra l-Covid19?: Simon Mercieca jiddiskuti dan is-suġġett ma’ Fr. David Muscat, illum l-Erbgħa fit-8.30 pm fuq Xejk TV.

Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied, l-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar id-dover biex dawk li jistgħu jieħdu l-vaċċin tal-Covid19, jieħduh. Statement bħal dan ma hux mingħajr kontroversja. Hemm minn ra f’dan il-messaġġ appoġġ min-naħa tal-arċisqof Scicluna lejn il-Gvern u b’mod partikolari lill-Ministru ta’ Saħħa Chris Fearne.

Biss din l-affermazzjoni tal-arċisqof Scicluna kemm hija vera? Żgur hija waħda kontroversjali. Fuq kollox kemm hija qrib id-deċiżjoni u t-tagħlim tal-Papa Franġisku? X’inhi tgħid eżatt l-Knisja fuq din il-kwistjoni? Eżattament x’intqal u x’ħarġet mis-Santa Sede fuq dan is-suġġett? Veru li t-tagħlim tal-Knisja fuq il-vaċċin mhux impożizzjoni iżda direzzjoni? Veru li kulħadd liberu li jagħmel li jrid?

Personalment, jien kontra kull forma ta’ impożizzjoni, inkluż dik ta’ vaċċini fuq il-bniedem. Jien favur il-liberta’. Meta l-arċisqof  qed jħeġġeġ lil dawk li jistgħu biex jieħdu l-vaċċin, qed ikun b’mod pulit jimponih fuq in-nisrani? Diskors bħal dan mir-ragħaj spiritwali tiegħu inaqqas mill-liberta’ tan-nisrani?

Jien għalija l-liberta’ hija sagrosanta u niġgieled għaliha. Biss il-liberta’ tfisser ukoll li tagħmel il-ġid u tħares il-ġid komuni.

Infakkar fl-istatement li ħarġet is-Santa Sede fuq dan is-suġġett fejn intqal li l-vaċċin ma għandux ikun obbligatorju iżda volontarju. Għalija din id-deċiżjoni tal-Vatikan hija wkoll qrib il-verita’. Hija deċiżjoni meħuda fuq il-ħtieġa tar-rispett tal-ġid komuni. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni tal-Vatikan hija waħda li tevita’ l-kontroversja. Kif tkellem l-Arċisqof Scicluna huwa f’din il-linja tal-Knisja?

Hemm imbagħad l-istorja li ntużaw ċelloli minn feti abortiti biex ġie żviluppat dan il-vaċċin. Jista’ vaċċin li jagħmel użu minn ċelloli ta’ feti abortiti jitqies moralment tajjeb? Tista’ taċċetta vaċċin f’isem il-ġid komuni u fl-istess waqt tibqa’ kontra l-abort?

Dawn il-mistoqsijiet u aktar ser ikun qed jiġu diskussi u mwieġba matul dan il-programm tiegħi, Simon Mercieca jiddiskuti, li ser isir għada l-Erbgħa fit-8.30 pm fejn jien ser ikun qed infittex tweġiba ta’ dawn il-mistoqsijiet kollha mingħand Fr. David Muscat.

Leave a Reply