Bernard Grech mhux il-kap tiegħi

Advertisements

Blogpost minn partitarju Nazzjonalista

Wasalna fl-aħħar ftit siegħat tas-sena 2020. Politikament għalina n-Nazzjonalisti kienet sena li ħallietna b’togħma morra ħafna. Kienet sena mtaqqla bi ħdura u attakki bejnietna n-Nazzjonalisti. Kienet sena fejn rajna l-aħwa Nazzjonalisti jitqatlu bejniethom u l-Laburisti jitpaxxew. Wasalna fl-aħħar tas-sena u dan l-oddju, dan il-valenu, din l-għira, din il-ħdura, din il-mebgħeda u dan it-taħwid kollu għadu għaddej u ma tantx jidher li hemm xaqq ta’ tama li dan ser jonqos.

Għodni qtajt qalbi li sa kemm indum ħaj ser nara lil dan il-partit li ilni nħaddan għall-għexieren ta’ snin jieħu r-ruħ. Il-politika Maltija trawmet fiha minn tfuliti u dejjem ħaddant entużjażmu lejn il-Partit Nazzjonalista. Dejjem ħassejtni milqugħ dieħel l-istamperija jew id-dar centrali u kont inħossni qiesni dieħel it-tieni dar tiegħi. Dejjem ipparteċipajt kull fejn kont mitlub bħala tesserat għal ħafna snin. Dejjem ħdimt ma kull kap li l-partit għażel, għażlu min għażlu.

Qabel l-2017 dejjem aċċettajt l-għażla li kienu jagħmlu l-ftit magħżula bħala kunsilliera kemm Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi kif ukoll Simon Busuttil. Hemm diskussjoni kbira x’wieħed jagħmel ta’ kif kienu u għadhom jintagħżlu l-kunsilliera. Dan huwa argument ta’ min jaħseb fuqu imma nħalluh għal darba oħra.

Biss ngħidilkom li hemm ħafna xi tgħid u x’tistaqsi. Fl-2017 bħala tesserat, grazzi minn qalbi lil Dr Simon Busuttil, ivvutajt biex nagħżel anke jien il-Kap tal-Partit. Il-kunsilliera fil-bidu kienu mitluba jivvotaw u jagħżlu tnejn mill-erba’ kontestanti. Jien ma’ qbiltx mal-kunsilliera fl-għażla li għamlu fl-ewwel fażi imma dik hi d-demokrazija, hekk jgħid l-istatut tagħna u għalhekk aċċettajt mingħajr l-ebda paroli. Kelli nerġa’ nibda nikkonsidra l-għażla tiegħi għax l-kontestant, li għażilt jien mill-bidu, baqa’ l-art. Ivvutajtx lil min rebaħ jew le ma hi affari ta’ ħadd, imma naħlef fuq kull m’għandi għażiż għalija li l-Kap magħżul kiseb l-appoġġ tiegħi mingħajr ebda kondizzjoni u mingħajr ebda aġenda moħbija.

Min laħaq Kap kiseb l-akbar numru ta’ voti mit-tesserati u aċċettajtu mill-ewwel għax hekk jgħid l-istatut. Il-familja Nazzjonalista għażlet il-Kap tagħha. Jien aċċettajtu bħala l-missier politiku tiegħi, ħabbejtu bħal kull Kap ta’ qablu, irrispondejt meta sejjjaħli, imxejt warajh fejn stajt u ddefendejtu f’kull okkazzjoni kull meta ħassejt li kellu raġun. Meta ma qbiltx miegħu sibt l-bieb tiegħu miftuħ u mort u tkellimt miegħu. Dejjem laqagħni u dejjem aċċetta l-kritika tiegħi. Dak li ma għamiltx żgur kien li mmur mperreċ dak li ma qbiltx miegħu. Il-missier politiku tiegħi dejjem irrispettani kemm lili kif ukoll lil kull min xtaq jibqa’ jimxi wara l-partit. Dejjem kien lest li joħroġ l-id tal-ħbiberija lejn kulħadd.

Allura nixtieq nistaqsi, kif ħuti fil-partit, perċimes fosthom numru minn dawk li vvutajnilhom biex jirrapreżentawna fuq il-pultruni tal-parlament, iddeċidew li jieħduha qatta bla ħabel kontra tiegħu? Dawn x’affarijiet huma? Kif bdew jaħdmu kontrih minn qabel sar Kap? Għalfejn kellhom jgħaddu lill-Partit minn diversi votazzjonijiet ta’ fiduċja bil-ħafna manuvri u qlajjiet tagħhom? Għalfejn għamlu tant ħilithom biex jeħilsu mill-Kap tal-Partit li tela’ b’mod demokratiku? Għalfejn kull meta jaraw lill-Partit miexi pass ‘l quddiem jaħmu xi ħaġa u jibdew jiġbru l-firem biex forsi jtajruh? Għalfejn qalgħu fwiedhom jċemplu, iżuru, jitkellmu u jikkonvinċu lill-kunsilliera u lit-tesserati? Għalfejn dik l-organizzazzjoni kollha u moviment ta’ nies jgħinu li ma jmorrux jitilfu xi vot biex jaslu għal ħsibijiethom? Għalfejn jivvintaw raġuni wara l-oħra biex dejjem nersqu għall-vot?

Bdejna minn Soho u spiċċajna fuq il-fantażija ta’ Jason Azzopardi tac-chats fuq il-WhatsApp ma’ Jorgen Fenech u ma nafx kemm oħrajn in between. Imma dawn kif ma tawx każ tal-vot tat-tesserati u baqgħu għaddejjin bil-valenu tagħhom, ifittxu, ifittxu, biex isibulhu xi ħaġa fuq xhiex jattakkawh, biex jitolbuh iwarrab, biex jitolbu vot ta’ sfiduċja? U għalkemm ma rnexxilhomx għal darba, darbtejn, tlieta xorta baqgħu jippruvaw sa meta waslet dik il-ġurnata li t-tesserati vvutaw biex iwarrbuh. Ir-raġunijiet huma ħafna imma tajjeb li nħarsu lejhom ukoll darba oħra. Ngħiduha ċara u tonda, dawn ġew altament JITNEJJKU mill-vot tat-tesserati, mogħti lilna minn Dr Busuttil, bħala xi ħaġa sagrosanta għall-ħames snin jew sal-elezzjoni ġenerali ta’ wara. Dawn għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista tajru Kap f’nofs leġislatura mingħajr ma tawh iċ-ċans jiġġieled elezzjoni ġenerali.

Ġuda biegħ lil Kristu għall-flus u b’hekk inqatel. Dawn il-Ġuda multiplikati għalfejn ċaħdu lil Kap tagħhom? Għal flus? Għal xi skanetri fil-cupboards diversi tagħhom? Tgħid hemm x’jinkixef fuq xi uħud minnhom u allura riedu jżommu l-poter f’idejhom ħalli dan ma jsirx? Tgħid qed jibżgħu li nkunu nafu fejn marru l-flus li kienu jinġabru fi żmien kapijiet oħra? Tgħid qed jibżgħu li nsiru nafu minn kien (jekk kien hemm) jaqsam f’dawn il-flus? Tgħid inkunu nafu min kien imdaħħal f’xi tranżazzjonijiet (bħalma huma tislif mill-banek) li saru qabel iż-żmien ta’ dan il-Kap? Tġħid beżġħu li kien ser ikollna iżjed konfermi ta’ xi pagi oħra li kienu ssussidjati minn xi nies tal-business jew xi pagi ta’ nies li għalkemm ma baqgħux fid-dar ċentrali baqgħu jirċievu ċ-ċejċa? Tgħid konna ser inkunu nafu min forsi xtara jew irranġa xi proprjeta minn fuq dahar il-partit? Min jaf? Jekk mhux xi ħaġa minn dawn, allura jkolli nistaqsi affarijiet personali li seta’ għamel il-Kap dak iż-żmien. Tgħid rifsilhom xi kallu? Tgħid ittantalhom il-mara? Tgħid raqdilhom ma mart xi wieħed minnhom? Tgħid kienu jaqilbuha lis-sieħeb jew sieħba u kien hemm ċans li l-Kap kien ser ikun jaf jew kien diġa jaf? Tgħid qatlilhom lil xi ħadd minn familthom? Nista’ nkompli? Ma nafx jien imma dik il-kwalita’ ta’ ħdura li rajna fuq persuna waħda qatt ma rajt bħala fid-dinja. Lanqas li kellu tmexxija bħal Hitler jew Mussolini.

U fuq kollox dan qatt, nirrepeti qatt, ma ħammeġ lil ħadd. Imma l-aktar ħaġa mportanti għalija hija din. Jien spiċċajt ILTIM POLITIKAMENT. Jien spiċċajt imbuttat il-bogħod mill-politika u allura mill-partit minn din il-klikka ta’ intern aħdar (daqs kemm kienu kattivi). Jien daqs kemm kont inħobb u ħdimt għall-partit imma issa qed inħossni bla ħeġġa. Il-Partit tant saritlu ħsara li ma nħossx dik l-għozza li kelli qabel. Jien dan il-partit m’għadniex nagħarfu. Jien dan il-partit qatt ma rajtu f’dawn il-livelli baxxi daqs illum. Jien dan il-partit qed inħossu jsawwatni bl-imġieba tiegħu. Jien m’għandiex Kap. Jien m’għandiex min imexxini. Jien ma nistgħax nimxi wara kap li daħal għal din il-ħniżrija organizzata kontra kap tiegħu għax daħħluh fiha klikka nfamja u maliżżjuża. Issa la tlift il-partit tlift lil dawk il-ġakbini li neħħew lil Kap li ntagħżel b’mod demokratiku nikxfilhom il-maskra. Ara dawk il-ġakbini (li jafu min huma) ma jażżardawx jersqu lejn il-bieb tiegħi. Dawk mhumiex ser jieħdu vot minn għandi. Jekk nivvota, jien ser nivvota lil dawk biss li baqgħu lejali lejn il-Kap li tela’ fl-2017 b’mod demokratiku.

Nagħti lil qarrejja kollha s-sena t-tajba mimlija saħħa.