Mark Anthony Sammut u l-Kandidatura tiegħu fuq l-Għaxar Distrett
Blogpost minn elettur tal-Għaxar Distrett
Kif spiċċajna fl-għaxar distrett! Inlaqqtu l-kandidati minn lokalitajiet il-bogħod li ma għandhom x’jaqsmu xejn mad-distrett. Dawn kollha jimmaġinaw jew jippruvaw ibbellgħuhielna li jafu d-distrett tagħna kif qed jintlaqat, jafu l-weġgħat tagħna jew jafu aħna li ngħixu f’dan id-distrett x’jistgħu jkunu l-eżiġenzi tagħna.
U ħallina Partit Nazzjonalista! Aħna rridu nies li trabbew jew qed jgħixu fid-distrett tagħna ħalli jifhmu l-mentalita’ tagħna faċilment. Issa tridx tgħidli kif min twieled il-Gudja u jgħix l-Imqabba (jew vice versa) jista’ xi darba jifhem u jħoss dak li għaddejjin minnu aħna. Imma basta l-partit poġġa wieħed mill-predikaturi fil-laqgħat u l-protesti li kienu jsiru għal Daphne (Alla jagħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem). Mela dan li beda jogħla fil-viżibilita’ tiegħu fi żmien Dr Busuttil, rikeb fuq dan il-karru tal-protesti bi ħsieb ċar u b’ambizzjoni waħda, li jakkwista l-kandidatura fuq l-għaxar distrett fejn hemm il-biċċa l-kbira tal-votanti li jissimpatizzaw ma’ Daphne.
Għalek ħa dawk it-tbaqbiqiet kollha, għalhekk żamm il-kartellun prinċipali fil-mixjiet, għalhekk kien dejjem bid-daħqa fuq wiċċu f’dawk l-okkażżjonijiet. Kont nistħalju qed jgħajjat ‘hawn jien, qis li meta jasal iż-żmien tat-tpattija taħsbu fija’. Imbagħad ngħidu li fil-politika m’hemmx aġendi personali.
Mark Anthony Sammut huwa l-persuna li qed jipprova jippenetra l-għaxar distrett. Dan kien ukoll president tal-eżekuttiv u kien hemm meta saret dik il-famuża elezzjoni biex jintela’ s-siġġu tal-Għawdxi David Stellini. Tiftakru x’kjass inqala’. Dan il-president ipprova joħroġ minn din il-praspura billi waħħal f’ħaddieħor u qal li mhux hu kien jipprepara l-lista tal-votanti. Imma skużi sur president tal-eżekuttiv, int x’suppost tkun qed tagħmel hemm? Lanqas indenjajt ruħek tara, li f’elezzjoni daqstant taħraq u mportanti, ma tħarisx lejn il-lista u tikkonferma li kollox sew? Possibbli ma kontx taf li t-teżorier tal-partit qatt ma kellu vot fl-eżekuttiv? Allura jekk lanqas ma kont qed tasal sa hemm u tħalli xogħolok f’idejn ħaddieħor, il-pożizzjoni tiegħek ma kienetx tenibbli. U fil-fatt hekk għamilt. Għax kif wasal l-ewwel possibilita’ dabbart rasek u ħriġt tgħid lil kulħadd biex jagħmel bħalek.
Missek ammettejt li dħalt f’żarbuna, għax poġġewk il-klikka, li kienet tiġik kbira u fil-ħin propizju sibt skuża banali biex teħles minn dik ir-responsabilita’. Anke f’każin tal-banda, il-president ikun attent li jivvotaw dawk biss li għandhom il-vot, għax kull president hu fejn hu jerfa’ r-responsabilita’ kollha tiegħu jew tagħha. Dan ukoll kien wieħed li kien jinħanaq jgħajjar lil Dr Delia. Dan kien wieħed minn dawk li isejħu lilhom infushom il-preżent u l-futur tal-partit. Dan wieħed minn dawk li għażel iħawwel fl-għalqa tal-ħdura kontra Dr Delia. Dan wieħed minn dawk li qatt ma rrispetta lil Kap tiegħu, anzi meta kien president kien iħalli attakki personali għaddejjin fuq Dr Delia. Dan wieħed minn dawk li llum qed jilgħabha tal-verġni u pur. Dan wieħed minn dawk li llum qed jgħid li l-partit m’għandux bżonn l-esperjenza tal-antiki. Dan wieħed minn dawk li qed jippreżenta ruħu bħala kandidat li għax ilu fil-partit għal numru ta’ snin u kien jokkupa pożizzjonijiet għolja, hu għandu jkun is-salvazzjoni tal-partit nazzjonalista. Dalwaqt ikollna nibdew ngħidulu s-salvatur, bħal ma kienu jgħidu lil Mintoff.
Mark Anthony Sammut kien wieħed minn dawk il-membri tal-eżekuttiv li kien jiftaħ attakki feroċi kontra Dr Delia. Hu kien jgħid lil Dr Delia li qatt ma seta’ jgħaqqad il-partit warajh. Issa hawnhekk ta’ min jistaqsi, taħsbu li b’nies bħal Mark Anthony il-partit seta’ jingħaqad meta kien juri dan l-atteġġjament mal-Kap tiegħu? Ir-raġuni li kien jgħajjar biha kienet li fuq rasu Dr Delia kellu d-dell ikrah tal-każ ta’ Soho. Ħa nistaqsih mistoqsija, Mark Anthony, inti qatt xi darba tlabt il-files kollha li kellu Dr Delia fuq il-każ biex tiskrutinjhom bħal ma għamel ħaddieħor? Int taf li kull min ra fid-dettal dawk il-files ammetta li Dr Delia għamel ix-xogħol tiegħu sewwa bħala avukat? Ser nistaqsik xi mistoqsijiet importanti u nispera li taqra u tirrispondi, inti taf li biex iħammġu lil Dr Delia kellhom imorru lura għoxrin sena? Inti taf ta’ min kienet dik il-kumpanija u min kien jew kienu ‘the ultimate benficial owners’ ta’ din il-kumpanija? Xi tgħid issa li, għalkemm din ilha li bdiet mal-bidu tal-karriera tiegħu, sal-bieraħ, Dr Grech kien imċappas, saħansitra anke quddiem il-qorti, b’nuqqas ta’ pagamenti ta’ taxxi u ta’ VAT? X’qed tgħidlu waqt l-eżekuttiv (meta jkun hemm) lil Dr Grech? Qed tgħidlu li b’dak id-dell iswed tuta li iġorr miegħu jista’ jgħaqqdu lil Partit? Jaħasra xi pwerilita’. Dan iż-żagħżugħ kien jgħid u jinsinwa li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mhux ser jersqu lejn il-partit għax il-partit kellu ħafna nies korrotti fi ħdanu u kien immexxi min bniedem korrott.
Issa jien nixtieq nistaqsi, għidilna f’hix tikkonsisti l-korruzzjoni mħaddna minn Dr Delia? Semmielna bi provi ċari meta, kif, x’għamel Dr Delia li seta’ jissejjaħ bniedem korrott? Jaqaw int temmen in-narrattiva ta’ Dr Jason Azzopardi li hemm chats jaħarqu ma’ Yorgen Fenech? Int ser temmen lill-bniedem li wiegħed lin-nazzjonalisti kollha, speċjalment lit-tesserati, li f’Ottubru kellhom joħorġu c-chats kollha? Int wieħed minn dawk li tieħu bis-serjeta dak li jgħid Jason Azzopardi? Fejnhom ic-chats? Taċċetta l-fatt li int blajt sa griżmejk il-gidba faħxija ta’ Dr Azzopardi?
X’responsabilita’ ser terfa’ int u sħabek għall-istraġi li għamiltu fil-partit? X’responsabilita’ ser tieħu ta’ azzjonitek qabel tmur titkarrab għall-vot fl-għaxar distrett? X’ser tgħidilhom lil votanti biex tipprova tikkonvinċihom li int qatt ma aċċettajt l-għażla demokratika tat-tesserati għal aktar minn darba? Kif ser tispjega ruħek meta tmur tagħmel il-‘house visits’ meta jistaqsuk, għalfejn kont minn ta’ quddiem biex tressaq voti ta’ sfiduċja fil-Kap tiegħek? Issa x’ser tagħmel bil-Kap li għandek li skond il-Prim Ministru għadu ma kklerjax ismu? U trid il-vot wara dawn il-kuntrumbajsi u kummiedji kollha. Ara veru ma tafx tistħi Mark Anthony Sammut li tikkonsidra lilek innifsek bħala ‘God’s political gift to the Nationalist Party’!!!!!!!!!
Insomma, Gudja u Gzira it-tnejn jibdew bil- “g” u jispiccaw bl-“a”. Apparti li ghandom 5 ittri kull wiehed. Kwazi qatgha MAS.