Jason Azzopardi jwaqqa’ t-teoriji li Yorgen Fenech ipprova jikkorrompi lil Gaerty

Il-bieraħ, is-Sunday Times tellgħet storja dwar it-taxxa ta’ Bernard Grech. Hija qalet li d-deputat Kummissarju tat-Taxxi Interni, Marvin Gaerty qiegħed fuq Police bail. Is-Sunday Times kitbet li l-istorja tat-taxxa ta’ Bernard Grech ġiet magħluqa, anki jekk fil-fatt ma hijiex. Biss għal darba oħra, is-Sunday Times tefgħet il-ġebla fuq saqajha. Għal xi raġuni jew oħra, il-ġurnalista Jacob Borg ried idaħħal f’din l-istorja ta’ Bernard Grech l-istorja tal-Vat ta’ Yorgen Fenech. Fi kliem ieħor, Yorgen Fenech issemma’ kif jgħidu bil-Franċiż ‘en passant’. Bil-Malti ngħidu li Jacob Borg xorta ried idaħħal lil Yorgen Fenech fil-Kredu. B’hekk dan il-ġurnalista spiċċa inqelgħa b’żejtu stess.

Kemm infakkar li din l-istorja tal-Vat kienet tikkonċerna lill-missier Yorgen Fenech, George Fenech u mhux lit-tifel, Yorgen Fenech. Issa din l-istorja tal-Vat ġa kienet fil-media. Fil-media kien hemm ukoll li Marvin Gaerty kien ġie interrogat mill-pulizija minħabba din l-istorja. Dan l-interrogatorju ta’ Marvin Gaerty kien interpretata bħala li kien jikkonċerna lil Yorgen Fenech. Fi kliem ieħor, Gaerty ġie interpretat u mpinġi bħala korrott.

Issa wara li s-Sunday Times tellgħet din l-istorja, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi tella’ żewġ posts marbuta ma’ din l-istorja. Wieħed mill-post jikteb ‘Skandlu’. Jgħid li Gaerty ma riedx jobdi l-ordnijiet illegali tal-Prim Ministru Robert Abela u Gaerty irrifjuta li jikser il-liġi. Fit-tieni messaġġ, Jason Azzopardi jgħidilna li l-Prim Ministru “ħalef li jpattihielu” [lil Gaerty] talli dan ma irtirax iċ-ċertifikat mogħti lil Bernard Grech mid-Dipartiment tat-Taxxi.

Wara li wieħed jaqra dawn il-messaġġi, jistaqsi jekk li l-interrogazzjoni ta’ Gaerty mill-pulizija kienetx dwar Yorgen Fenech jew dwar xi ħaġa oħra. L-impressjoni li wieħed jieħu wara dawn il-messaġġi minn Jason Azzopardi hija dik li l-pulizija qed taqbad ma’ Gaerty biex tpattihielu talli huma ma obbdix lill-Prim Ministru.

Mela l-ewwel konklużjoni hija li Gaerty mhux korrott. Din issa qed jgħidha Jason Azzopardi u mhux jiena. Mela mhux vera li kien hemm xi xamma ta’ korruzzjoni fl-istorja tat-taxxa tal-Vat ta’ missier Yorgen Fenech barra mill-qorti. Mela, Azzopardi stess xejjen il-fatt li l-arrest ta’ Gaerty kien marbut mal-każ ta’  Yorgen Fenech jew li Gaerty ipprova jinxtara minn Yorgen Fenech.

Minflok, Azzopardi qed jgħidilna li l-pulizija mhux qed jagħmlu xogħolhom tajjeb fl-investigazzjonijiet li qed iwettqu.

Issa jekk verament Gaerty qiegħed fuq police bail ma nafx. Biss jekk vera qiegħed fuq police bail, wieħed jistaqsi kif Gaerty għadu ma ssospendix ruħu. Biss dak li nista’ nikkonkludi huwa dan li ġej.

Personalment, meta qrajt dawn l-istejjer tal-Vat u l-interrogazzjoni ta’ Marvin Gaerty mill-pulizija aktar ħadtha li l-pulizija kienet qed tara kif isib ix-xagħra fl-għaġina fejn jidħol il-każ ta’ Yorgen Fenech għaliex l-arrest tiegħu qed ifalli minn kullimkien. Għalhekk bagħtu għal Gaerty minħabba din l-istorja tal-Vat biex jipprovaw isibu fuq xix jaqbdu.

Bil-kummenti tiegħu, Azzopardi qed jurina li l-istorja tal-Vat u l-interrogazzjonijiet ta’ Gaerty ma għandhomx x’jaqsmu ma’ Yorgen Fenech u ma kien hemm l-ebda korruzzjoni meta Yorgen Fenech tkellem ma’ Gaerty.

Fuq kollox, issa l-pulizija jridu jiġġustifikaw kif żammew persuna arrestata dan iż-żmien kollu għalxejn. Ara fuq stejjer oħra tal-Vat, inkluż stejjer li jikkonċernaw lil Bernard Grech, il-Pulizija ma qegħda tistaqsi xejn. Imma issa anki Jason Azzopardi, li huwa biċċa waħda mal-prosekuzzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, spiċċa jitfa’ f’dawl ikrah lill-istess pulizija u qed jgħidilhom li huwa mhux qed jitħallew jaħdmu u fl-istess waqt qed jgħajjarhom ipokriti. Fuq kollox għajjar lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jindaħal fl-investigazzjonijiet.       

Leave a Reply