Beppe Fenech Adami ma għandux jużax lill-missieru fil-kampanja elettorali tiegħu

Blogpost minn partitarju Nazzjonalista

Hawn xi nazzjonalist li jgħid li ma jħobbx lil Dr Eddie Fenech Adami? Hawn xi nazzjonalist li jgħid li Dr Eddie ma għamilx ħafna ġid lil Malta? Hawn xi nazzjonalist li jiddubita mil-lealta’ ta’ Dr Eddie lejn Malta jew lejn il-partit? Hawn xi nazzjonalist li jikkonsidra li dak kollu li għamel Dr Eddie Fenech Adami għamlu għax kellu xi intenzjoni jew agenda personali? Hawn xi nazzjonalist li ma jixtieqx jiftakar lil Eddie kif nafuh jindirizzana f’dawk il-mass meetings kbar?

U meta niftakar min kien għalina Eddie, x’għamel għalina Eddie, kemm issogra għalina Eddie, kemm iffaċċja nkwiet għal ġid tagħna Eddie, kemm ħadem għal Maltin u l-Għawdxin Eddie, ix-xewqa tiegħi hi li jien dejjem niftakru fil-glorja tiegħu.

Huwa ta’ qsim il-qalb għalija, u naħseb għal ħafna oħrajn bħali, li nara xi post fejn jiddaħħal dan il-Kap kbir tagħna. Naf li l-bniedem irid jgħaddi miċ-ċiklu tal-ħajja. Imma xorta jibqa’ ttimbrat ġo fija b’dieqa meta nara lill-Eddie f’xi post illum, raġel anzjan, vulnerabbli, dgħajjef u forsi wkoll milqut b’dak li toffri d-dinja meta l-bniedem jasal f’eta matura.

Le Beppe ma naqbilx miegħek meta ttella’ posts biex tpoġġi fuq quddiem lill-għażiż missierek. Missierek kien ukoll il-missier politiku tagħna għal ħafna snin. Konna, għadna u nibqgħu nħobbuh sa kemm idum ħaj u j’Alla jdum ħafna iżjed. Le Beppe aħna m’aħniex ser ninsew lil missierek anke wara mewtu. Imma Beppe lil missierek għożżu, gawdih imma tużahx. Meta Dr Fenech Adami għamel, kif dejjem kien jgħid, li fl-eta’ ta’ sebgħin jirtira, lili u lill-ħafna oħrajn qasmilna qalbna. Qatt ma xtaqna li narawh jieqaf mill-politika. Qatt ma xtaqnih iwarrab mit-tron politiku li kien jistħoqqlu u li aħna konna tant onorati bih.

Hu kien qal jien ser nirtira għal kollox u mhux bl-iskossi jew niġi lura jekk, meta u fejn ikun hemm bżonn. Dan qalu lili f’Sant Anton f’waħda mill-visti tiegħi għandu. Jien għadni ddispjaċut sal-lum li fl-2013 Eddie ġie użat biex jindirizza l-aħħar mass meeting fuq il-fosos. Kien żball ta’ Gonzi u Busuttil li nqdew b’Eddie meta kienu jafu li ġejja tkaxkira tajba. Sar żball li nqdew bi bniedem li tant ta lill-partit biex jippruvaw jiġbru ftit voti, mhux biex jirbħu imma biex forsi t-tkaxkira ma tkunx daqstant kbira.

Issa Beppe int qed terġa’ tagħmel l-iżball ta’ nies qablek. Possibbli li jiġik f’moħħok li tipprova tinqeda b’missierek għal gwadann politiku tiegħek? Dr Eddie irtira. Beppe, int trid tibqa’ fil-politika? Naħseb li iva. Mela nistaqsik bdejthom il-house visits jew tħabbat il-bibien u tibqa’ barra minħabba l-Covid? Imma tużax lil missierek. Bdejt tibgħat xi materjal miktub lill-kostitwenti tad-distretti fejn ser toħroġ biex iżżommhom infurmati? Imma tużax lil missierek. Bdejt issellem lin-nies fit-triq bħalma jagħmlu politiċi oħra? Imma tużax lil missierek.

Bdejt tirrealizza li il-kunjom illum mhux ser ikun biżżejjed biex terġa’ takkwista postok fil-parlament? Imma tużax lil missierek. Qed taħseb x’ser tirrispondi lill-kostitwenti meta jistaqsuk għalfejn għidt lil Dr Delia li hu mhux il-Kap tiegħek? Imma tużax lil missierek. Għandek f’moħħok x’ser tgħid lill-votanti tat-tmien distrett għaliex għamilt kruċjata (flimkien ma sħabek) lil Dr Delia? Imma tużax lil missierek.

Taf x’ser tirrispondi lill-Karkariżi u nies oħra tad-distrett biex tikkonvinċihom li int għad għandek postok fil-politika? Imma tużax lil missierek. Qed tirrifletti fuq dak li qal Claudio Grech li intom l-antiki għandkom tagħmlu pass lura? Imma tużax lil missierek. Qed taħseb x’ser tgħid lin-nies għalfejn użajt dak il-kliem iebes u ta’ tgħajjir waqt laqgħat tal-eżekuttiv u grupp parlamentari fil-konfront tal-kap tal-partit? Imma tużax lil missierek. Qed tipprepara risposti għad-domandi li żgur ser jistaqsuk li inti kont parti importanti meta l-Partit qala’ l-akbar tkaxkira tiegħu? Imma tużax lil missierek. X’ser tgħidilhom issa lill-kostitwenti tat-tmien distrett biex tikkonvinċihom jivvutaw lilek u mhux lil Dr Delia? Imma tużax lil missierek. Tgħid ser tkompli tgħajjar u taqla’ minn żniedek aktar ħama u tgħajjir fuq kollega tiegħek fil-partit li ser joħroġ fuq l-istess distrett tiegħek? Imma tużax lill-għażiż tagħna Dr Eddie Fenech Adami.

Leave a Reply