Il-messaġġ tal-Milied tal-Arċisqof Scicluna u l-abort

L-arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna ħadha qatta’ bla ħabel kontra tiegħi għaliex qed inġib nies li qed juru opinjoni differenti dwar l-istrateġija tal-Covid19. Nifhem li hemm min ma jaqbilx miegħi fuq dan is-suġġett. Biss jien nipprova nagħti leħen lin-nies, inkluż dawk li ma jaqblux miegħi.

Issa l-Arċisqof Charles J. Scicluna rabat il-messaġġ tal-Milied ta’ din is-sena mal-fatt li l-poplu għandu jieħu t-tilqima. Jien ma għandi xejn kontra t-tilqima. Jien kontra li din it-tilqima tkun mandatorja. Jeħodha min irid. Finalment, min jeħodha ħa jkun immun mill-Covid19. Min ma jeħodhiex ser ikun f’riskju. Mela r-risponsabilita’ hija tal-individwu. Hemm fattur ieħor li issa ħiereġ; li hemm numru ta’ persuni li din it-tilqima mhix tajba għall-kulħadd.

Biss l-anqas dan ma huwa l-argument. L-argument huwa ieħor. Din it-tilqima kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja li spiċċat anki tiġi rrappurtata fl-aħbarijiet internazzjonali. Dan minħabba li biex ġie żviluppat dan il-vaċċin, ġew użati ċelloli minn żewġ feti ta’ trabi abortiti ħafna snin ilu. Dan ġab diskussjoni fil-knisja jekk dan hux moralment tajjeb jew le. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali CNN, il-Kongregazzjoni tal-Fidi tal-Vatikan iddefendiet din il-pożizzjoni u l-użu ta’ dawn iċ-ċelloli minn trabi abortiti. Fin-nota tagħha qalet hekk:

“Huwa moralment aċċettabli li tieħu l-injezzjoni tal-Covid-19 li fihom intużat linja ta’ ċelloli minn feti abortiti meta kienet qed issir ir-riċerka jew il-proċess tal-produzzjoni [ta’ dan il-vaċċin].”

Ovvjament, fil-kamp Malti, aħbar bħal din ser tkun żgur użata minn dawk favur l-abort. X’ser jagħmel issa l-arċisqof Scicluna meta ser ikun affaċċjat b’din il-kwistjoni? Waqt li l-predeċessur tiegħu kellu quddiemu l-kwistjoni tad-divorzju, dan ser isib quddiemu l-kwistjoni tal-abort? Kif ser jargumenta dan l-arċisqof kontra abort, meta fil-messaġġ tal-Milied mar iħeġġeġ lin-nies biex jieħdu t-titqiba meta ġew użati ċelloli minn trabi abortiti? Numru ta’ nies fil-knisja iqiesu dan bħala approvazzjoni indiretta tal-abort. Ibqa’ żgur li din l-istorja ser tkun użata minn dawk favur l-abort biex jgħidu li l-abort isalva anki ħajjet in-nies.

https://edition.cnn.com/2020/12/21/europe/coronavirus-vaccine-vatican-abortion-intl/index.html

Leave a Reply