It-tenerezza hija l-isbaħ rigal li wieħed jista’ jagħti f’dawn il-jiem ta’ festi
Blog post minn Partitarju Nazzjonalista
F’dawn il-jiem, il-Papa Franġisku qasam mal-insara xi ħsibijiet dwar it-tifsira tal-Milied. Il-Papa qalilna biex nagħmlu bħalma għamlu r-ragħajja iktar minn elfejn sena ilu, meta imxew lejn Betlehem biex ifittxu t-tarbija. Dik it-tarbija li għalkemm kellha tagħmel ħwejjeġ kbar waslet fostna permezz ta’ Marija ġo stalla ġo għar. Ir-rigal li tagħna Alla l-Missier mhux mertu tagħna, anżi forsi bil-mod kif nirreagixxu forsi lanqas kien jistħoqqilna dan ir-rigal tant kbir. Imma Alla, għalkemm jaf li midinbin, xorta rregalalna lill-ibnu stess. Il-Papa qalilna biex naħsbu, nirreflettu u nirrealizzaw jekk aħniex naċċettaw dan il-ġest nobbli li sar magħna. Li kieku ma kienetx xi ħaġa kbira li twettqet ġewwa Betlehem kieku ntesiet u ma konniex naslu biex nibqgħu niċċelebraw dan l-avveniment hekk kbir.
Papa Franġisku qalilna, l-aktar lilna l-insara, biex noqgħodu attenti biex ma nagħmlux mill-Milied festa kummerċjalizzata żżejjed imma niftakru li t-twelid ta’ Ġesu twettaq biex Ġesu jibqa’ jgħix magħna fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Papa qalilna wkoll li s-semplicita’ u l-umanita’ li wasslilna Ġesu Bambin tagħtina l-grazzja li nwarrbu minn moħħna u minn qalbna dan il-pessimiżmu li xtered ħafna iżjed minħabba l-pandemija. Qasam magħna esperjenza ta’ meta ltaqa’ ma xjentisti li qalulu kemm huma żviluppati fl-għajnuna li r-robots jistgħu jagħtu lil bniedem. Ir-risposta tal-Papa rriflettit fuq ħaġa waħda li żgur ebda robot ma jista’ jagħtik – it-tenerezza. Papa Franġisku qalilhom li dik it-tenerezza Ġesu biss jista’ jagħtihielna u x-xewqa tal-Papa hi li din l-istess tenerezza terġa’ titħeġġeġ fina. Il-Papa kompla li jekk il-pandemija qed tesiġi li nżommu mbegħdin, it-tenerezza li ġabilna Ġesu tressaqna lejn xulxin u għalhekk għandna nqawwu qalbna b’dan l-għatx għat-tenerezza ħalli kif ikun il-waqt naqsmu dak li nkunu akkumulajna ma kulħadd b’tant umanita’.
F’dawn l-aħħar ġranet, rajt u qrajt dwar ħafna ġesti umani u teneri. Kull għajnuna li tista’ tingħata dejjem issarraf f’ġest ta’ imħabba, ta’ ħniena, ta’ soljev, ta’ apprezzament, ta’ forċina, ta’ umanita’ u ta’ tenerezza. Aħna l-Maltin u l-Għawdxin magħrufin għal dawn il-gesti umani mimlijin imħabba. Taqra’ affarijiet li jaffaxxinawk, li jferħuk, li juruk l-uman fil-poplu Malti u l-Għawdxi. Fost dawn kollha qrajt u rajt diversi ritratti ta’ ġest sabiħ li għamel Dr Adrian Delia. Qatta’ ġurnata, fejn bil-ġenerożita, l-imħabba u t-tenerezza tiegħu żar ħames istituti tat-tfal fejn qassam rigal lil kull wieħed u waħda minnhom.
Fi kliemu stess qal li permezz tal-ħbieb u tas-sostenituri tiegħu ser ikunu jistgħu jagħmlu ftit differenza fil-ħajja ta’ dawn l-għeżież li huma miżmumin b’tant imħabba mis-sorijiet. Huwa rringrazzja minn qalbu lil dawn is-sorijiet kollha li jiddedikaw ħajjithom għal dawn it-tfal anqas ixxurtjati. Dr. Adrian Delia ħeġġeġ lil kulħadd li jista’ jersaq lejn xi ħadd u jqatta’ ftit ħin miegħu jew magħha. Dan jista’ jkun l-isbaħ rigal li jingħata f’dan iż-żmien tal-Milied. Dr Delia ftakar ukoll f’sostenitur tiegħu u mar żaru l-isptar, bħalma għamel ma’ żewġ żgħażagħ li ħabbewh u hu bl-umanita’ tiegħu ftakar fihom u mar jirreċiproka mħabbtu.
Fl-opinjoni tiegħi Dr Delia wera li għandu għal qalbu l-umanita u t-tenerezza li dejjem wera lejn in-nies. Dik kienet l-għajta tiegħu meta kien Kap ta’ partit politiku. Il-lum dan ir-raġel wera, li għalkemm m’għadux fit-tmexxija, in-nies, kemm kbar kif ukoll żar, baqgħu f’qalbu. Prova ċara toħroġ mill-ġesti sbieħ li għamel il-bieraħ.
Grazzi Dr. Delia. Il-ġest nobbli tiegħek jurina li m’hemmx għalfejn ikollok xi pożizzjoni għolja biex tkun ta’ sapport għall-oħrajn, li taqsam ma’ oħrajn u li twieżen lil min jista’ jkun jonqsu ftit aktar ferħ f’dan iż-żmien għażiż tal-Milied.