Il-programm tiegħi tal-bieraħ mal-avukat Mario Mifsud leħaq 1.2K views fuq is-social media
Il-bieraħ kelli lill-avukat Mario Mifsud fil-programm tiegħi Simon Mercieca Jiddiskuti. L-avukat Mario Mifsud jaħdem kemm fil-qorti tal-familja u anki fil-kamp penali. Hu tkellem b’mod miftuħ fuq il-weġgħat li joħorġu fil-qorti tal-familja, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ festi u fuq il-fatt li ħafna darbi, it-tfal qed jispiċċaw ballun fil-kawżi ta’ separazzjoni tal-ġenituri tagħhom.
L-avukat Mifsud tkellem fuq suġġetti oħra attwali. Hu ddefenda lil Anton Rea Cutajar li bħalissa qiegħed taħt attakk fil-media. Anton Rea Cutajar huwa persuna li għandu zoo żgħir tal-annimali. L-avukat Mifsud ġab raġunijiet validi u sodi favur Anton Rea Cutajar.
Tkellem fuq il-ħabs. L-avukat Mifsud hu l-avukat tal-ħabs. Huwa ddefenda b’saħħa kbira lid-direttur preżenti tal-ħabs, is-Sur Dalli, u tkellem dwar l-indafa kbira li dan daħħal fil-ħabs. L-avukat Mifsud qal li Dalli rnexxilu jeqred id-droga mil-ħabs. Qal li Dalli qed jirnexxilu jintegra lill-priġunieri ta’ rieda tajba fis-soċjeta’. Biss jibqa’ numru żgħir ta’ priġunieri li jaħsbu li jridu jagħmlu li jridu. Huwa ma’ dawn il-priġunieri li s-Sur Dalli qed juża d-dixxiplina magħhom. Mill-mod kif tkellem l-avukat Mifsud, il-konklużjoni personali tiegħi kienet li l-attakki fuq is-Sur Dalli fil-media jidhru li huma ġejjin minn interessi ta’ persuni li jridu jfarrku lis-Sur Dalli talli qered id-droga mill-ħabs.
Fuq kollox, l-avukat Mifsud irrisponda il-mistoqsijiet li saru anki mis-semmiegħa. Ċaħad li hemm xi diskriminazzjoni fost il-gwardjani tal-ħabs minħabba l-kulur politiku tagħhom. Quddiem din l-akkuża li hu qed jiddefendi l-interessi tas-Sur Dalli għax Laburist, hu fakkar li bħalissa qed jiddefendi numru ta’ persuni Nazzjonalisti fil-qorti. Dan hu minnu u dawn il-persuni ma ddejqux jibgħatu messaġġi waqt il-programm biex ifaħħru lill-avukat Mifsud u jgħidulu li huwa “gentleman”.
L-avukat Mifsud ma ddejjaqx jitkellem fuqu innifsu. Qal li hu ħu l-maġistrat Joe Mifsud biss qal li finalment huwa t-tifel tal-ġenituri tiegħu. Biss ħareġ li hu ma jagħmilx u l-anqas jista’ jkollu kawżi quddiem ħuh. Nieħu gost nara li n-numru ta’ viewers fuq il-media soċjali għal dan il-programm leħaq 1.2K. Għalija dan hu ta’ sodisfazzjoni kbir u nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha membri ta’ dan il-group li rawh. Dan il-programm ser ikun ripetut u ser jittella’ wkoll fuq you tube.