Caroline Muscat ta’ Shift News tgħid li mudell ekonomiku tas-Sunday Times u l-Malta Today jiddependi minn fuq id-dħul mingħand il-korrotti
Il-Ħadd li għadda, is-Sunday Times u l-Malta Today ppubblikaw storja li saret epika. F’din l-istorja jissemma’ ir-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro, Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar fost l-oħrajn. L-istorja hija magħrufa. Mhux ser nidħol fid-dettall tagħha f’dan l-artiklu.
Biss il-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja ma għoġbotx lil kulħadd. Caroline Muscat ta’ Shift News marret tiġri fuq Facebook u kkundannat l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja. Infakkar li din l-istorja ġiet ippubblikata bħala parti mid-Daphne Project. Mela min għadda din l-istorja għamilha biex joskura lil Yorgen Fenech waqt li pprova jwaqqa’ lil Rosianne Cutajar minn segretarju parlamentari minħabba l-involviment tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa fejn kienet iġġildet ir-reżoluzzjoni kontra Malta minħabba l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħa ngħidha ċara, mhux qed nikteb dan l-artiklu biex niddefendi lil Rosianne Cutajar. Jien naqbel ma’ min qed jitlob għar-reżenja tagħha. Biss din ir-reżenja ma għandhiex biss tikkonċerna lil Rosianne Cutajar imma anki lill-imħallfa Lofaro. Dak li qed nistaqsi huwa dwar din l-attitudni ta’ “two weights two measures” li teżisti fost dawk li jagħtu support lill-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia.
Minħabba l-involviment ta’ Pierre Lofaro, ġara bil-maqlub. F’daqqa waħda indunajna li r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro huwa f’din il-“klikka” ta’ Yorgen Fenech. B’hekk din l-istorja ‘backfired’. Biss dak li laqgħatni fil-kitba ta’ Caroline Muscat huwa l-fatt li hija għajret lil Sunday Times u l-Malta Today bħala mixtrija minn dan il-gvern korrott. Il-messaġġ tagħha hu kif ġej:
“Dak li l-kmamar tal-aħbarijiet ibiegħu bħala ġurnaliżmu investigattiv f’#Malta ma hu xejn għajr stejjer imħawla, mqiegħda fi żmien opportun u maħsuba b’mira. Ir-rapport fuq Rosianne Cutajar mhu xejn ħlief attakk immirat lejn waħda mill-imħallfin li hemm fuq l-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan kien biss minħabba li din il-persuna, li ġiet appuntata mill-Partit Laburista, ddeċidiet li sservi lill-pajjiż u mhux lill-puppaż prim ministru. Attakk malizjuż (Hatchet job) għal darba oħra mill-mainstream media independenti. Dawk li suppost ikunu ħitan tad-demokrazija saru theddida tas-soċjeta’… għaliex il-mudell tan-negozju tagħhom jiddependi fuq dħul mingħand il-korrotti li huma qed jgħidu li qed jinvestigaw.”

Jien mhux ser nargumenta jekk id-dħul ta’ The Times u l-Malta Today jiddependi fuq il-korrotti, anki jekk dan il-messaġġ ikompli jikkonferma dak li qed nikteb jiena. Il-media tal-liberali spiċċaw jiġġieldu bejnithom.
Biss nixtieq nfakkar lil Caroline Muscat li Abigail Lofaro saret imħallfa taħt in-Nazzjonalisti u mhux taħt Joseph Muscat. Mela mhux veru kif qed tgħid Caroline Muscat tas-Shift News li din l-istorja ħarġet għaliex Lofaro ma ridtx isservi l-Gvern korrott tal-Lejber.
Biss l-argument tiegħi huwa ieħor. Il-media li hija verament indipendenti għandha iġġib l-istejjer kollha. Mela issa jekk toħroġ storja u l-poplu jinduna bil-ħmieġ li hemm fost ċerti familji ta’ ġudikanti, dan ikun interpretat bħala attakk fuq id-demokrazija? Mela l-metrika ta’ Caroline Muscat hija dik li ġġib dawk l-istejjer biss li jservu l-interessi tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Mela l-konklużjoni hija li stejjer li b’xi mod jistgħu joskuraw din il-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom jibqgħu moħbija. Fi kliem ieħor, anki jekk f’din l-istorja hemm potenzjal ta’ reżenja ta’ segretarju parlamentari, skont dan il-kumment ta’ Caroline Muscat, xorta waħda ma kellhiex toħroġ għaliex kienet ser titfa’ f’dawl ħażin lil din l-imħallfa tal-qrati Maltin. Il-verita’ hija li kieku konna fi stat Ewropej, din l-imħallfa ġa rreżenjat mill-bank tal-ġudikatura jew issospendit ruħha sakemm ir-raġel tagħha jkun investigat fuq ħasil ta’ flus.
Wara ttheddita ta deputat avukat generali (li tisma minghandu) u l-kummenti fuq membru tal bord ta l-inkjesta, qed nistenna bil herqa l-ezitu tal kawza li ghandek f’jannar