B’kumbinazzjoni l-pulizija tarresta lil Yorgen Fenech fl-istess jum li kellu jagħmel kuntratt ma’ Pierre Lofaro, ir-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro

Il-Ħadd li għadda, is-Sunday Times u l-Malta Today ippubblikaw storja dwar bejgħ ta’ propjeta’ fl-Imdina lil Yorgen Fenech. F’din l-istorja nsiru nafu li sar konvenju bejn il-kumpanija Green Eyes Ltd u Yorgen Fenech. F’din il-kumpanija Green Eyes Ltd hemm l-interessi, fost l-oħrajn, ta’ Pierre Lofaro, li hu r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro.

Dan id-deal sar ftit qabel ma’ Yorgen Fenech ġie arrestat. Infakkar li Yorgen Fenech ġie arrestat fid-19 ta’ Novembru 2019. Il-fatt li ftit qabel dan l-arrest, Yorgen Fenech kien qiegħed f’konvenju jkompli jikkonferma li dan ir-raġel ġie ffremjat. Fi kliem sempliċi ġiet mibnija narrattiva madwaru li hu kien ser jaħrab minn Malta meta din mhix minnha. B’hekk il-pulizija setgħet tmexxi b’aktar faċilita’ l-istorja li Yorgen Fenech huwa l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u b’hekk iżżommu arrestat il-ħabs dawn ix-xhur kollha għal xejn.

Issa għiduli intom min imur jagħmel konvenju, fuq propjeta’ ġewwa l-Imdina, li tiswa’ fuq tliet miljuni, meta għandu f’moħħu li jrid jaħrab? Min iħallas depożitu ta’ 300,000 jekk jaf li hu ser jaħrab minn Malta? Yorgen Fenech mhux biss għamel konvenju, imma ħallas il-flus lill-kumpanija, li s-segretarju tagħha huwa r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro. Tant kemm Pierre Lofaro kien konvint li Yorgen Fenech mhux ser jaħrab, li ħallas, f’isem din il-kumpanija senserija ta’ ftit inqas minn mitt elf euro mal-konvenju. Infakkar li s-senserija titħallas normalment mal-kuntratt. Daqshekk kien ċert ir-raġel tal-imħallfa Lofaro li dan id-deal kien ser isir u Yorgen Fenech kien ser jibqa’ Malta. Dan hu dak li ppubblikat il-Malta Today fuq dan il-punt:

As it turns out, the promise-of-sale agreement does not list any brokers’ fees. The contract was due to be signed in September 2019, but was extended in four instances over the course of October and November.”

Hu normali li f’konvenji jkun hemm anki referenza biex il-konvenju jkun jista’ jiġġedded. Biss dan it-tiġdid f’dan il-konvenju bejn Yorgen Fenech u Green Eyes Ltd jitkellem biss dwar tiġdid għal ftit jiem. Normalment it-tiġdid ikun ta’ xhur fuq konvenji ta’ bejgħ ta’ propjeta’. Il-Malta Today tgħidilna li ġġedded erba’ darbiet bejn Ottubru u Novembru tal-2019.

Mela nafu li dan il-kuntratt kellu jkun iffirmat f’Settembru 2019. Biss ġie mġedded f’erba’ darbiet, f’perjodi differenti matul Ottubru u Novembru 2019. Mela Yorgen Fenech baqa’ juri intenzjoni li jiffirma dan il-kuntratt.

Id-daħqa qedha hawn. Is-Sunday Times tagħtina biċċa informazzjoni oħra interessanti. Tgħidilna li Yorgen Fenech ġie arrestat eżattament fl-istess jum li fih kellu jmur jagħmel dan il-kuntratt. Pierre Lofaro qalilna li wara li ġie arrestat Yorgen Fenech, il-kumpanija li Lofaro jipprżenta waqqgħet dan il-kuntratt. Biss, David Thake, kiteb li din id-dar fl-Imdina spiċċa xtraha iz-ziju ta’ Yorgen Fenech, Ray Fenech.

Dan ikompli jikkonferma li Yorgen Fenech ma kienx qed jaħrab minn Malta meta ġie arrestat iżda kellu l-intenzjoni li jiġi lura għaliex  dak in-nhar stess kellu kuntratt importanti mar-raġel tal-imħallfa Lofaro. Dan hu dak li qal Yorgen Fenech stess, jiġifieri li hu kien ser jirritorna dak inhar stess. Mela issa nafu li Yorgen Fenech kien qed jgħid is-sewwa.


Infatti, ir-raġel tal-imħallfa ma qal imkien li Yorgen Fenech ma kienx ser jiffirma dan il-kuntratt dak in-nhar li ġie arrestat. Mela verament, il-mawra sa Sqallija kienet biss ta’ ġurnata u xejn aktar. 

Nistaqsi jiena jekk kienx hemm relazzjoni bejn id-data ta’ meta kellu jiġi ffirmat dan il-kuntratt u l-arrest ta’ Yorgen Fenech mill-pulizija? Hawn wisq kumbinazzjonijiet. Kumbinazzjoni l-pulizija tarresta lil Yorgen Fenech fl-istess jum li kellu jagħmel dan il-kuntratt. B’hekk minħabba dan l-arrest il-kuntratt jaqa’ u r-raġel tal-imħallfa jipprova jiġbor lura s-senserija f’isem Green Eye Ltd.

Tistgħu tgħiduli jekk issa dawn il-bravi mħallfin hux ser jinvestigaw din il-kumbinazzjoni bejn id-data tal-arrest ta’ Yorgen Fenech u l-jum li r-raġel tal-imħallfa, li qegħda magħhom fuq il-bord, kellu jidher għal dan il- kuntratt f’isem Green Eyes Ltd mal-istess Yorgen Fenech?

Fuq dan il-punt ma ntqal xejn mill-media. Li ntqal mill-media huwa li dan il-konvenju ma twaqqgħawx minn Yorgen Fenech iżda minn Pierre Lofaro f’isem din il-kumpanija wara li ġie arrest Yorgen Fenech. Mela din l-istorja tal-bejgħ ġewwa l-Imdina tipprova l-falzita’ li nbniet madwar l-istorja li Yorgen Fenech ipprova jaħrab minn Malta.

Leave a Reply