Awguri tal-Milied li mhumiex mixtieqa
Blogpost minn partitarju Nazzjonalista
Fadal tlett ijiem għall-Milied Imqaddes. F’dan iż-żmien niftakru fl-imħabba li ferrex fuqna t-Twelid ta’ Ġesu’. Ħa nieħu din l-okkazzjoni biex nawgura Milied qaddis lill-qarrejja tiegħek kollha, dawk li jaqblu mal-kitba tiegħek u dawk li ma jaqblux. Nawguralhom kollha s-saħħa f’dan iż-żmien diffiċli. Jien sinċerament nixtiqilkom ħafna ġid. Kulħadd għaddej jixtieq affarijiet sbieħ lil familtu, għajru, ħbiebu u l-proxxmu kollu. Hekk għandu jkun u hekk inkomplu nagħmlu.
Imma jien irrid nistaqsi. Dawk il-paladini tad-demokrazija u tar-rule of law, dawk li l-aktar li weġġgħu lili u lil tant nies, dawk li għajru lili u lil diversi nies, dawk li waqgħu f’livell personali u pparagunaw lili u nies oħra diversi ma tant affarijiet li ma tantx huma sbieħ, għandhom kuxjenza safja li tħallihom jaqsmu x-xewqat tajba tagħhom miegħi u mal-proxxmu. Jien dejjem ngħid li politikament qatt m’għandu jkollna għedewwa imma avversarji politiċi. Jekk kulħadd iżomm dan il-livell politiku, ħadd ma jasal biex jobgħod jew jistmerr lil għajru. Ħadd ma jasal jieħu passi illeġittimi jew anti-demokratiċi. Jiena dejjem qist lis-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista bħala ħuti fil-familja Nazzjonalista. Mibgħeda politika qatt ma daħlet fija. Imma jien uman, jien tad-demm u l-laħam, jien inħoss, jien jiddispjaċini, jien imweġġgħa.
Allura l-mistoqsija tiġi waħedha, x’ser jagħmlu dawk li lili u lil ħafna ħafna oħra weġġgħuna? X’ser jagħmlu dawk li ffomentaw u ħmew attakki politiċi (biex nibqa’ fuq livel politiku għax hemm iżjed) fuq il-missier politiku u leġittimu tiegħi? X’ser jagħmlu dawk li ma aċċettawx ir-riżultat tat-tellieqa għal Kap fl-2017? X’ser jagħmlu dawk li wara ma nafx kemm il-vot, issa warrbu u ħelsu mill-Kap leġittimu tiegħi? X’Milied ser jaqsmu miegħi? X’sens fih l-awguri li qed jibagħtuli? Dawn jafu li mhux veru li biż-żmien il-ferita tfiq? Dawn jafu li l-ferita politika tiegħi għadha tnixxi d-demm? Dawn jafu li jien ma nistgħax insib it-trankwillita politika tiegħi? Dawn jafu li bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom il-weġgħa tiegħi qed tiżdid flok tonqos? Dawn jafu li bl-attitudni tagħhom qed nitbiegħed iżjed mill-partit tiegħi li għamilt snin twal niġġieled għalih? Dawn jafu li wasalt fi stat b’din il-kattiverja li saret u għadha qed issir, jien qed nikkonvinċi iżjed lili nnifsi biex ma nersaqx lejn il-kamra tal-vot u naħseb ser tkun l-ewwel darba li ma mmurx nivvota?
Hawn min ser jgħid – dan ser idum jeqred, dan ser idum biex jgħaddilu, dan ser jibqa’ sejjer bl-istess kantaliena, lilek Dr Mercieca (għax ittella’ dak li niktbu aħna u taqlagħha int) jerġgħu jgħidulek li int qatt ma tgħid xejn kontra il-Laburisti u kummenti oħra. Jien ngħidilhom tajjeb li taqblu, tajjeb li ma taqblux u tikkritikaw. Għandkom dritt għall-opinjoni tagħkom. Jien m’għandi xejn kontra tagħkom. Imma jien irrid risposta kif ser nerġa’ niġi f’tiegħi u nsib il-kenn fil-partit tiegħi għal darba oħra. Jien irrid inkun naf kif pass demokratiku, għal tlett darbiet, jista’ jitħassar minn klikka valenuża u sħabhom fil-ħsieb politiku tagħhom? Jien irrid inkun naf għaliex ġabu lill-partit f’din is-sitwazzjoni? Għalfejn għamlu u għadhom għaddejjin bi sfreġġju tant kbir fuq il-Partit li ma jitgħatta b’xejn? Jien irrid inkun naf kif Dr Grech aċċetta li ikun parti minn nuqqas kbir ta’ stabilita’ fil-partit meta aċċetta u għalhekk huwa parti mit-tkissir tal-partit glorjuż tiegħi?
Mela għal dan il-Milied ir-rigal politiku tiegħi nixtieq li jkun,
1) tifsira preċiża, bla gideb u bla miżinterpretazzjonijiet, għaliex il-klikka għaġixxit b’dak il-mod moqżież,
2) għaliex il-klikka baqgħet ma aċċettatx għal diversi drabi d-deċizzjoni demokratika tat-tesserati u tal-kunsilliera,
3) għaliex il-klikka baqgħet twebbes rasha sakemm waslet għat-tneħħija tal-Kap leġittimu tiegħi,
4) għaliex użat gideb sfaċċat biex toskura lil Kap tiegħi?
5) għaliex ma ġabitx provi dwar il-kalunji kollha li ntqalu biex tikkonvinċini li kellhom raġun
6) għaliex ma għinitx lil Dr Delia meta kien qed jippreżenta idejat tajbin u friski biex nersqu lejn elezzjoni preparati,
7) x’ser jagħmlu issa li grazzi għalihom għandna persuna li lanqas tibda paragunata mal-avversarji tagħna,
8) x’ser jagħmlu biex min qed imexxi ma jibqgħax jiġi umiljat b’tgħajjir fuq taxxa mhux imħallsa li sal-bieraħ stess il-Prim Ministru għajjru bihom
9) x’argumenti sostnuti qed jużaw kontra dan il-gvern korrott li għandna,
10) x’ser jagħmlu b’dawk l-MPs, kandidati, kunsilliera u tesserati li qed jgħajjru lili u lin-nies li għadhom iħossuhom viċin ta’ Dr Delia b’kull ħaġa moqżieża li tigihom f’ħalqhom.
Le jien mhiniex qattusa. Jien mhiniex tat-tielet klassi. Jien mhiniex żibel, demel u ħafna affarijiet oħra. X’ser tagħmel Dr Grech? X’ser tagħmel Dr Francis Zammit Dimech? Ser tibqgħu ċassi bħalma għadkom s’issa? Meta tikkjarifikaw dawn il-punti tkunu tistgħu tibagħtuli x-xewqat sbieħ tagħkom. Jekk tibqgħu tinjurawni nitlobkom ma tibagħtuli xejn għax iktar qed tagħmluli ħsara, qed inħosshom iżjed id-daqqiet tal-istalletti tagħkom, qed tħassruli l-ferħ li jġib miegħu dan iż-żmien sabiħ. Nistenna minn għandkom imma għandi fidi li qed noħlom bil-kulur.