Pierre Lofaro u l-Kumpanija Green Eyes Ltd
L-imħallfa Abigail Lofaro ħarġet tgħid li hija saret taf li żewġha kien involut f’business transaction ma’ Yorgen Fenech is-Sibt li għadda, jiġifieri jum biss qabel ma ħarġet din l-istorja fil-media. Meta l-għada l-Ħadd, is-Sunday Times ħarġet din l-istorja, qaltilna li r-raġel tal-imħallfa Lofaro, Pierre Lofaro, irreżenja mill-kumpanija li għamlet il-business transaction ma’ Yorgen Fenech. Din ir-reżenja seħħet, skont is-Sunday Times, qabel mal-imħallfa ħadet l-inkarigu tal-inkjesta. Hawn kif ġie ppubblikat dan id-dettall mis-Sunday Times.
“Lofaro said it was he [Pierre Lofaro] who had halted the deal with [Yorgen] Fenech the day he was arrested in November 2019 in connection with the Caruana Galizia case. The lawyer also said he resigned his position as director of Green Eyes Ltd when his client began chasing the two alleged brokers for the brokerage fee.”
Issa jekk wieħed imur ifittex fil-Malta Business Registry, isib li ma ġie rreġistrat l-ebda kambjament fl-imsemmija kumpanija Green Eyes Ltd sal-aħħar tas-sena tal-2019. Dan ir-reġistru kien jismu qabel Registrar of Companies. Din hija informazzjoni pubblika.
Mela din il-famuża kumpanija li daħħlet fil-business ma’ Yorgern Fenech u jsimha Green Eyes Ltd għandha n-numru tar-reġistrazzjoni C41992. Kif qalu l-gazzetti, għandha direttur wieħed li hija Saraha Camilleri. Skont il-Malta Today, din Sarah Camilleri hija t-tifla ta’ Joe Camilleri. Imbagħad din il-kumpanija għandha żewġ shareholders, Finaserv Consultancy Ltd, li ġġib in-numru tar-registrazzjoni C21866 u L&TD Fiduciaries Ltd li għandha n-numru C28810. Imbagħad, Pierre Lofaro jidher bħala l-company secretary ta’ din il-kumpanija Green Eyes Ltd.
Biss l-istorja ma tieqafx hawn. L-isem ta’ Pierre Lofaro jerġa’ jidher fil-profile tal-kumpanija L&TD Fiduciaries Ltd li ġġib in-numru C28810. Din il-kumpanija għandha żewġ diretturi. Pierre Lofaro jidher bħala share holder tagħha. Miegħu hemm żewġ share holders oħra.
Mela meta sar id-deal ma’ Yorgen Fenech, Pierre Lofaro kien qed jidher kemm bħala l-company secretary tal-kumpanija li kienet qed tbiegħ lil Yorgen Fenech u fl-istess waqt, din il-kumpanija li kienet qed tbiegħ lil Yorgen Fenech kellha żewġ kumpaniji bħala shareholders tagħha, u f’waħda minn dawn iż-żewġ kumpaniji, Pierre Lofaro jerġa’ jidher bħala shareholder. Issa, is-Sunday Times qaltilna li Pierre Lofaro qalilha li “huma [Pierre Lofaro] rreżenja minn pożizzjoni ta’ direttur tal-Green Eyes Ltd, meta l-klijent tiegħu beda jiġri wara ż-żewġ sensara minħabba l-allegata senserija”.
Il-problema tinsab hawn. Meta jkun hemm reżenja ta’ direttur jew xi tibdil ieħor, dan irid ikun reġistrat mar-reġistru tal-kumpaniji. Issa mill-2016 sat-2 ta’ Jannar 2020 ma sar l-ebda tibdil f’din il-kumpanija msemmija. L-ewwel tibdil sar fit-2 ta Jannar 2020. Sar tibdil ieħor 23 ta’ Jannar 2020 u ieħor 5 ta’ Frar 2020. Minħabba d-data protection ma nafux x’inhuma dawn it-tibdiliet.
Infakkar li Yorgen Fenech ġie arrestat fid-19 ta’ Novembru 2019. Mela dan it-tibdil sar kważi xahrejn wara dan l-arrest. Infakkar li fl-artikli ntqal li dan id-deal waqa’ minħabba l-arrest ta’ Yorgen Fenech. Biss it-tibdil li sar ma mhux relatat ma’ dan l-arrest jew b’anteċipazzjoni tiegħu.
X’imkien hawn xi ħaġa li mhix tinkwadra. Nagħlaq billi nfakkar li s-senserija titħallas mal-kuntratt u mhux mal-konvenju. Għalhekk kif qed jgħidu li din tħallset mal-konvenju? Naħseb li r-raġel tal-imħallfa jrid jispjegah sew dan il-punt. Din mhix xi ħaġa li normalment issir f’bejgħ ta’ propjeta’. Dan il-punt ser ikun qed nanaliżżah separatament.
Mela jekk veru ntalbu lura l-flus tas-senserija, kif qal Pierre Lofaro, u dawn intalbu fil-perjodu li kienu qed isiru t-tibdiliet fil-kumpanija, dawn il-flus intalbu f’Jannar jew Frar tal-2020, jiġifieri mill-inqas xahrejn wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech.
proset