L-użu tar-‘reverse psychology’ fil-politika

Blogpost: minn partitarju Nazzjonalista

‘Taqrax dan li ġej mingħajr permess’.

Jien perswaz li ħadt minnkom mhu ser jistaqsi lil xi ħadd biex jaqra’ dak li hawn miktub. Naħseb li għal kuntrarju kulħadd qabditu kurżita akbar biex ifittex jaqra’.

Dan ma hu xejn ħlief eżempju ċar ta’ kif taħdem dik li fil-psikoloġija tissejjaħ ‘reverse psychology’. Bil-Malti, il-psikoloġija bil-kontra. Għalkemm ċert li ommi qatt ma studjat din it-tip ta’ psikoloġija, xorta wżata tajjeb ħafna. Meta kont għadni żgħir ma kontx xi wieħed li kont intir biex naqdi l-ommi. Imma l-aktar li kont nobgħod kienet li noħroġ l-borża taż-żibel. Mela darba ommi riditni nniżżel din l-imbierka borża. Hi kienet taf li jien ser nivvinta kull skuża biex ma mmurx. Allura dawret l-ordni u qaltli: ‘ikun tajjeb li kieku toħroġ il-borża taż-żibel, issa qabel tpoġġi tara t-television imma naħseb li tqila għalik allura aħjar nistennew lid-Daddy’. Issa ommi kienet taf li jien u sħabi konna għaddejjin minn eta’ fejn bdejna niffanfraw kemm konna nifilħu nerfgħu. Ovvjament jien waqajt għalija u tlaqt niġri.

Meta naħseb fuq hekk, ngħid ara ommi kemm kienet moħħha jilħqilha u mingħajr ma kienet taf użat dik li llum insejħulha ‘reverse psychology’. Din it-tip ta’ psikoloġija tintuża ħafna f’kull sitwazzjoni tal-ħajja fejn jidħlu n-nies. Kif diġa wrejt tintuża ħafna mill-ġenituri. Nużawha wkoll fuq livell personali u anke soċjali. Tintuża wkoll fuq il-postijiet tax-xogħol. Eżempju validu huwa meta l-imgħallem ikun irid xi ħaġa mingħand xi ħadd li jkun mimli bix-xogħol u jgħidlu xi ħaġa hekk:

 ‘Għandi dan il-proġett kbir li jrid isir malajr imma naf li int mimli bix-xogħol b’affarijiet oħra’.

Ir-risposta tkun hekk:

‘Veru mħabbat imma naf li nista’ naħdem fuq dan il-proġett. Ħalli nipprova’.

B’hekk l-imgħallem ikun ħa dak li ried. Imma din ir-‘reverse psychology’ taħdem anke fil-politika. Din ħadmet tajjeb ħafna biex għenet lill-klikka twarrab lil Dr. Adrian Delia minn nofs. Tgħiduli kif? Il-Partit Laburista ma attakkax lil Dr Adrian Delia imma ħalla n-narrattiva għaddejja li Dr. Adrian Delia hu viċin il-partit fil-gvern. Il-Gvern ħalla lill-klikka jibilgħu din l-attitudni tagħhom għax il-Partit Laburista dak li ried, li jitneħħa Dr. Delia. Il-klikka belgħet is-sunnara sa griżmejha.

Bdiet ixxerred il-qlajja li l-Partit Laburista mhux qed jattakka lil Dr. Delia għax Dr. Delia huwa qrib il-Partit tal-Labour, bdew iġibu l-eżempji kollha ta’ x’qal u x’għamel. L-aktar waħda famuża kienet meta stieden lill-Prim Ministru għal kafe’. Kemm semgħu t-tesserati li Dr. Adrian Delia huwa ħabib kbir tal-Labour, li Dr. Delia jaqsam u jħallat magħhom, li Dr. Delia mħallas minnhom, li Dr. Delia kull ma jagħmel biex jogħġob lill-partitarji laburisti.

Il-klikka komplew jgħidu li l-Labour ma jridx li jitneħħa Dr. Delia għax qed jitkellem bl-istess lingwa tagħhom. Il-klikka qalet li l-Labour jaqbillu li Dr. Delia jibqa’ hemm għax mhux qed jikkritika lill-Gvern, mhux qed jattakka lill-Partit Laburista, mhux qed ikun aggressiv dwar il-ħmerijiet li kien qed jagħmel il-partit fil-gvern. Kemm ħadmet. Kemm smajna partitarji minn tagħna jirrepetu dan il-kliem. Kemm qalulhom il-klikka li Dr. Delia huwa ħaġa waħda mal-Labour u mal-Prim Ministru. Kemm impressjonaw tesserati b’din in-narrattiva. Kemm għamlulu ħsara lil Dr. Adrian Delia.

Smajtu lil xi ħadd tal-Labour jgħid xi ħaġa kontra dan kollu. Qagħdu gallarija jaraw il-klikka tkisser lil Dr. Delia u timmanipula lit-tesserati. Ħafna mit-tesserati nħatfu b’din l-aġenda tal-klikka. Semgħuhom u emmnuhom. Taw kashom u obdewhom. Ir-riżultat jafu kulħadd. Il-Labour għamel vittorja minn fuq dahar it-tesserati u ħa dak li ried. Il-Labour irnexxielu, permezz tar-‘reverse psychology’, li jneħħi l-akbar inkwiet li kellu fil-Partit Nazzjonalista. Ara issa x’qed jagħmel il-partit fil-gvern? Qiegħed kwiet, ħalqu magħluq u jħalli lill-Partit Nazzjonalista jegħreq waħdu. Jafu issa li l-partit fl-oppożizzjoni tilef l-iljun tiegħu li kienu mwerwrin minnu. Prova ta’ dan huwa l-fatt li fi tlett snin Delia qatt ma kellu konfront dirett mal-mexxej tal-partit fil-gvern. Kif jgħid il-Malti l-partit Laburista waħħalulna. Ma nistgħux ma ngħidux li l-Partit Laburista għandu strateġija li tistħoqqilha ammirazzjoni. Il-klikka ferħana bir-riżultat imma l-akbar rebbieħ f’dan kollu huwa l-partit fil-gvern, il-Partit Laburista.

Leave a Reply