Ir-raġel tal-imħallfa Lofaro u l-ħasil tal-flus

Sar ħafna diskors dwar din l-istorja ta’ bejgħ ta’ propjeta’ ġewwa l-Imdina li kien qed jidher fuq dan il-bejgħ l-avukat Pierre Lofaro li huwa r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro. Il-media telqgħet bl-istorja tas-senserija. Dan għamlitu biex twaqqa’ lil Rosianne Cutajar minn segretarju parlamentari u tikkrea, fl-interess ta’ min ħareġ din l-istorja, kriżi fil-gvern.

Biss meta ħarġet din l-istorja, ftit indunaw li f’dan il-kuntratt saret xi ħaġa li mhux normali ssir. Is-senserija tħallset waqt il-konvenju. B’hekk id-diskors dar fuq dawk involuti f’din is-senserija, jiġifieri Rosianne Cutajar, illum Seġretarju Parlamentari u persuna oħra li jaħdem fil-Ministeru tagħha. Intalbet ir-reżenja ta’ Rosianne Cutajar peress li min kien ser jixtri huwa Yorgen Fenech. Fil-verita’ id-deal, Rosianne Cutajar ma għamlitux ma’ Yorgen Fenech iżda mar-raġel tal-imħallfa. 

Biss hemm aspetti li għadhom oskuri fuq dan id-deal. Normalment is-senserija titħallas mill-persuna li qed tixtri u mhux minn dik li qegħdha tbiegħ. F’dan il-każ, qed jingħad li Yorgen Fenech ħallas depożitu fuq il-konvenju u li minnhom il-kumpanija, li tagħha Pierre Lofaro hu segretarju u fuq kollox, b’mod kompless, anki shareholder, iddeċidiet li tgħaddi s-senserija lil Rosianne Cutajar u lil Charles Farrugia.

Mela, l-ewwel mistoqsija li trid issir biex tinħall din il-kobba mħabbla hija ta’ min hija verament din il-propjeta’ ġewwa l-Imdina? Din hija ta’ Green Eyes Ltd? Jew din hija ta’ xi ħadd Ċiniż? U jekk hija ta’ xi ħadd Ċiniż, din il-kumpanija kienet fuq konvenju miegħu biex tixtri din il-proprjeta mingħandu u mbagħad riedet tbiegħ din l-istess proprjeta’ fuq konvenju?

Mela kollox idur ma’ dan il-fatt stramb li din is-senserija ma tħallsitx mal-kuntratt, kif normalment isir, iżda mal-konvenju. Fi kliem ieħor, għandha bejgħ li huwa ftit partikolari u f’dan il-kuntratt partikolari qed jissemma’ l-kumpanija Green Eyes Ltd. Qed jissemma’ wkoll li din aċċettat 300,000 elf ewro cash bħala depositu fuq il-konvenju li minnhom, l-istess Green Eyes Ltd tat struzzjonijiet biex titħallas din is-senserija ta’ kważi mitt elf euro fi flus KONTANTI.

Għalhekk, l-emfasi f’din l-istorja għandu jkun fuq Pierre Lofaro u mhux fuq Yorgen Fenech. Hu aċċettabli li raġel ta’ imħallfa jkun involut f’dan it-tip ta’ deals u f’dan it-tip ta’ ħlas bi flus kontanti?

Infakkar li meta Yorgen Fenech waqqa’ dan il-bejgħ, Pierre Lofaro, f’isem il-kumpanija Green Eyes Ltd li tagħha huwa l-avukat, is-segretarju  u shareholder permezz tal-kumpanija L&TD Fiduciaries Limited, talab is-senserija lura u nesa li l-pagament kien sar cash. Jekk verament sar hekk, dan sar kontra l-liġijiet fiskali tal-pajjiż tagħna.

Għalija dan hu l-aspett li jrid jiġi ċċarat aktar milli jekk fuq dan il-kuntratt kienx hemm Yorgen Fenech jew le. Fuq dawn l-affarijiet, wieħed għandu jiġġudika jekk l-imħallfa għandhiex tirreżenja jew le. Infakkar li l-membri l-oħra tal-bord tal-inkjesta, li nżertaw imħallfin irtirati,  flimkien mal-familja Caruana Galizia ilhom jippritkaw kontra l-korruzzjoni, issa ħarġu jiddefendu din il-balbuljata kollha.

Qed ngħid dan għaliex deher kumment fejn intqal li mhux ċar jekk il-proprjeta’ inkwistjoni kienetx ta’ xi IPP Investor, jiġifieri persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija. Din spiċċat biegħet din il-propjeta’ lill-Green Eyes Ltd. Meta din l-kumpanija kienet għadha fuq konvenju ma’ dan is-sid begħitha lil Yorgen  Fenech. Dan jista’ jispjega għala Pierre Lofaro u l-kumpanija Green Eyes Ltd ħallsu senserija bi flus kontanti lil Rosianne Cutajar u lil Charles Farrugia u mhux Yorgen Fenech. Nerġa’ nfakkar li f’dan il-każ, is-senserija tħallset mill-kumpanija li tagħha Pierre Lofaro hu s-segretarju.

Jekk dan hu hekk, allura għandha xiri u bejgħ partikolari. Skont l-avukat Anna Mallia, ‘hawn Malta ħadd ma jkellem fuq dan it-tip ta’ bejgħ’. Mallia tkompli tgħid li dan it-tip ta’ bejgħ, fejn qed jitħallsu dawn is-somom kbar fi flus kontanti, ‘jammonta għall-ħasil ta flus’.

Naħseb li fuq dan it-tip ta’ bejgħ misshom jinvestigaw l-imħallfin tagħna. Mhux talli ma jridux jinvestigawh talli dawn ż-żewġ membri l-oħra ta’ dan il-bord ħarġu jiddefendu din il-balbuljata kollha. 

Leave a Reply