L-ipokresija tar-‘Rule of Law’ dwar ir-reżenji

Meta l-bieraħ ħarġet l-istorja li r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro kien involut f’business transaction ma’ Yorgen Fenech, u wara li jien ktibt l-artikli li ktibt fuq dan il-każ, l-imħallfa ħarġet stqarrija fejn qalet li hija lesta toffri r-reżenja tagħha mill-bord tal-inkjesta, iżda ma rreżenjatx. Ħalliet din id-deċizjoni f’idejn l-istat u l-membri tal-familja ta’ Caruana Galizia.

Immedjatament ħarġu l-membri tal-familja ta’ Caruana Galizia u tawha s-support inkondizzjonat tagħhom. L-istess għamlu ż-żewġ membru ta’ fuq l-bord tal-inkjesta u l-istess għamel Jason Azzopardi.

Ħa ngħidha kif naħsibha. Jien ma nħossx li għandha tirreżenja fuq dan il-każ. Il-preokkupazzjoni tiegħi huma marbuta ma’ affarijiet oħra. Biss inħoss li għandu jkun hemm skrutinju dwar l-iżviluppi proposti, b’mod partikolari fuq il-bini tat-torrijiet ta’ Marsascala.

Biss il-problema llum mhux x’naħseb jien. Il-problema hija x’metrika ser nużaw. Il-problema li għandna hawn hi li l-istess nies li xebgħu jgħajtu bir-riżenji minħabba Yorgen Fenech issa spiċċaw jaqbżu għall-imħallfa li r-raġel tagħha spiċċa jagħmel business deal ma’ Yorgen Fenech. Anzi qalu lil Lofaro li ma għandhiex tirreżenja. Fl-istess waqt baqgħu jitolbu r-reżenja ta’ kull persuna li misset ma’ Yorgen Fenech. Anki f’dan il-każ, jiġifieri ta’ Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari.

Infakkar li meta ħareġ messaġġ minn Whatsapp dwar ikla bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia, dawn l-angli tar-‘rule of law’ talbu għar-reżenja ta’ Adrian Delia u baqgħu sakemm waqqgħuh. L-istess ippruvaw jagħmlu lill-Ministru Edward Zammit Lewis. Talbuh ir-reżenja għaliex skont huma mar jiekol ma’ Yorgen Fenech u uża l-ajruplan privat tal-familja Fenech. Forsi hawn wieħed jgħid li dawn kienu direttament qed jagħmlu l-business miegħu. Fil-każ tal-imħallfa, ma kienetx hija iżda r-raġel tagħha. It-tweġiba tiegħi hija din.

Mela nsejnieha l-istorja ta’ Justyne Caruana? Infakkar li dawn tar-rule of Law talbu r-reżenja ta’ Justyne Caruana minħabba li ex-raġel tagħha kien siefer ma’ Yorgen Fenech. Justyne Caruana qalet li ma kienet taf xejn b’din is-safra. L-istess bħal ma qed tgħid illum l-imħallfa Lofaro dwar ir-raġel tagħha. Biss Justyne Caruana xorta rreżenjat. Għalija li Pierre Lofaro jagħmel business ma’ Yorgen Fenech mhux problema. Il-problema hawn hija l-metrika li juża Jason Azzopardi u l-membri tal-familja Caruana Galizia. Ir-riżenja tintalab skont jekk intx magħhom jew kontra tagħhom. Dan jissejjaħ relattiviżmu assolut. Mela jekk wieħed juża l-metrika ta’ Jason Azzopardi, din l-imħallfa mhux biss għandha tirriżenja mill-inkjesta, trid ukoll tirriżenja mill-bank tal-ġudikatura. Dan biex nuri kemm hija falza din il-metrika tar-rule of law u kemm huma ipokreti meta jitkellmu dwarha.

Leave a Reply