Il-kritika ssaħħaħ u mhux tkisser lill-Partit Nazzjonalista

Blogpost oħra mingħand persuna Nazzjonalista

Naqra l-posts tiegħek nifhem għaliex sikwiet ittella’ kontra l-Partit Nazzjonalista. Il-Partit tagħna qatt ma għadda minn sitwazzjonijiet bħal dawn, allura anke għan-Nazzjonalisti stess qed iħossuhom imħawdin, imkerfxin, imnikktin u sa ċertu pont iddisprati, donnhom daħlu fil-limbu u qed jibżgħu li mhux ser joħorġu minnu.

Jien Nazzjonalist minn tfuliti għax dejjem emmint li l-Partit Nazzjonalista kien l-uniku partit li kien jispirani, li kien jagħtini fiduċja, li kien jiftaħli l-orizzonti u li kellu viżjonijiet li jien dejjem ħassejtni komdu nħaddan. Imma l-lum fejn qiegħed il-Partit? Għaliex wasal hawn? Għalfejn inġarr mal-kurrent u mil-2013 għadu ma jistgħax jieħu r-ruħ? X’ġara fl-2013 li kissret il-Partit Nazzjonalista?

Meta ttella’ xi ħaġa fuq il-politika, li jkun fiha kritika fuq il-Partit Nazzjonalista, għandek ħafna li jikkummentaw li tattakka biss lill-PN, li jagħmlu ħilithom biex jiddefendu lill-istess partit, li jippruvaw jaħarbu mill-kritika li tkun qed issir u jgħaddsu rashom fir-ramel u allura jippuntaw subajhom lejk li qisek qed tkun int li qed teqred il-Partit.

Dr Mercieca l-Partit Nazzjonalista qerduh il-mexxejja tiegħu, l-amministraturi tiegħu, l-intelletwali tiegħu, dawk li jagħtuh il-pariri, dawk li jaraw sa mniħierhom. U dan ma sarx f’dan l-aħħar xhur, dan ilu ġej minn qabel l-2013 meta kienu jafu li ġejja t-telfa u baqgħu bl-istess attitudni. Jiena wieħed minn dawk li ersaqt lejn il-Partit kemm-il darba, li qsamt anke ideat, li ħdimt viċin ma nies oħra fil-partit, li ktibt suġġerimenti u li pruvajt noħloq gruppi biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħna għal għan wieħed, biex naraw il-partit tagħna jkompli jwettaq il-ġid għall-poplu Malti u Għawdxi. Għaliex qabel l-2013 konna ninstemgħu u wara sirna qisna għajta fid-deżert?

Dawn li qed jikkummentaw mingħalihom iħobbu lil Partit Nazzjonalista aktar minn dawk li qed jiktbulek biex ixxerred kliemhom? Dawn li ma jieħdux pjaċir bl-artikli kritiċi li qed jinkitbu jaħsbu li għandhom għal qalbhom il-partit iżjed minn dawk li jikkritikawh bl-artikli tagħhom? Xi żball għandhom. Lil dawn in-nies jien nixtieq ngħidilhom biex jieqfu jirriflettu ftit, ineħħu l-għanqbut minn moħħhom, jiftħu għajnejhom u għal darba jaraw ir-realta attwali.

Jien nixtieq li l-votanti kollha, mhux it-tesserati biss, iħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista u jistaqsu lilhom infushom, jien lest li nafda lil dan il-Partit bit-tmexxija tal-pajjiż? Jien nixtieqhom ma jaħsbux fuq dak kollu, tajjeb jew ħażin, li għamel jew qed jagħmel il-partit fil-gvern. Jiena jinteressani mil-partit tiegħi, il-Partit Nazzjonalista. Meta jibdew jaħsbu ftit, janalizzaw u jirriflettu minn xhiex għaddej il-partit tagħna, jaslu biex jibdew jikkritikaw lill-partit tagħhom huma stess. Meta tkun qed tikkritika u ssemmi affarijiet li ġraw veru, li ma tibdiex timmaġinhom, li ma tibdiex tixtieqhom, li ma taħsibx fil-kieku u fil-kien, li ma tippruvax tidħaq bik innifsek u tara kollox ileqq u li ma tippruvax tgħix fil-ħajja tal-ħolm, kull votant jibda jiftaħ għajnejh, jibda jirrealizza, jibda jinduna li l-kritika tajba u tajba ħafna.

Jekk il-partit ma jaċċettax il-kritika li qed issirlu ser jibqa’ għaddej b’dil-mantra ta’ kollox qed nagħmlu sew, kollox miexi ‘l quddiem, qed inżiedu l-voti, qed innaqqsu d-distakk, qed nilħqu lin-nies, in-nies qed jifhmu l-messaġġ tagħna. U nispiċċaw nemmnu dak li noħolmu, nibqgħu nemmnu il-verita ta’ xi ħadd ieħor, nibqgħu nistrieħu fuq l-imħuh antikwati li jaħsbu li ma jmutu qatt politikament, nibqgħu ngħixu f’dak li nixtiequ.

Jien ukoll nixtieq insir sinjurun, imma ma niflaħx naħdem iżjed. Jekk xi ħadd jgħidli li ma sirtx sinjurun għax ma ħdimtx iżjed qabel, għax ma kontx sod miegħi nnifsi, ma emmintx fil-kapaċita’ tiegħi stess, ma ħtaftx l-opportunitajiet li tfaċċaw quddiemi, għamilt affarijiet li iktar ħlejt ħin milli għamilt gwadan, li bżajt nieħu ċertu riskji jew li ma kontx lest li niftaħ toroq ġodda imma ħallejt kollox kif kien, allura jien għandi nieħu għalija u narma ngħajjar lil min qed jikkritikani. Aħna l-votanti rridu nkunu ċari u sodi magħna nfusna. Il-kritika tajba tagħmel ħafna ġid, il-kritika fiha ħafna valur, il-kritika tista’ twasslek biex tbiddel, il-kritika tagħtik iċ-ċans tirrifletti u tiċċara l-ħsibijiet tiegħek, il-kritika tajba għandha effett psikoloġiku kbir, il-kritika (magħmulha b’imħabba lejn il-Partit) twassal għall-avvanż fil-ħsieb u fl-azzjoni.

Għeżież qarrejja, tieħdux il-kritika b’mod pożittiv jew negattiv, ħuduha ta’ li hi. Aħsbu fuqha, araw kemm għandha mill-verita, araw jekk hiex kritika li tipprova tagħmel id-deni jew hiex twassal messaġġ ta’ ġid, araw jekk hiex kritika biex toħroġ il-verita u ma titħallhiex mistura, araw jekk hiex toħroġ l-iskaletri mill-gwardarobbi magħluqa u moħbija li jistgħu jħallu dak il-misħut dubbju fuq xi ħadd, araw jekk il-kritika tistgħax twassal għall-tibdil fil ħsieb jew direzzjoni. U ftakkru ħaġa waħda li l-kritiku jista’ (u ħafna drabi jkun) xi ħadd li diġa resaq lejn il-Partit u tawh il-ġenb allura jibda’ jsib mod ieħor kif iwassal ħsibijietu. Jekk il-kritiku jkun ġenwin, l-għan tiegħu jkun il-ġid tal-Partit li huwa jgħożż.

Araw x’kiteb Winston Churchill meta kienu jikkritikawh:

“Criticism may not be agreeable, but it is necessary. It fulfills the same function as pain in the human body. It calls attention to an unhealthy state of things.” – Winston Churchill

Leave a Reply