Louis Galea u tneħħija ta’ kapijiet Nazzjonalisti
Blogpost minn partitarju Nazzjonalista
Ħafna ħasbu li għax tkun ilek fil-Partit u tibqa’ timmilita fih tkun tħobbu. Hemm min ħaseb li fadal politiċi ta’ żmien il-qedem li għadhom iridu jagħtu ħinhom għall-Partit għax iħobbuh u b’ebda aġenda oħra.
Ħarsu ftit lejn Louis Galea meqjus bħala ikona tal-Partit u bħala l-bniedem li ħajtu ddedikaha lill-Partit. Dan ilu hemm minn kif laħaq avukat. Telaq il-karriera (jekk qatt bdieha) u ħares lejn il-Partit bħala t-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb, ħares lejn il-Partit bħala l-għajn minn fejn seta’ jarda kemm jiflaħ, imantni l-familja.
Jiena li għandi l-eta’ tiegħu. Niftakar qisu l-bieraħ x’għamel biex itajjar lil Ġorġ Borg Olivier minn Kap. Ħadem, ikkonfoffa, laqqa’ u xpruna nies biex jixkanaw lil Ġorġ il-barra. Irrid infakkarkom li Louis kien l-aktar bniedem fil-partit viċin ta’ Ġorġ Borg Olivier. Jiena ġej minn familja li konna viċin ħafna ta’ Ġorġ Borg Olivier. Fil-fatt jiena u ħuti konna nsejħulu ‘Uncle Ġorġ’. Waqt li darba kien qiegħed jitkellem ma’ missieri fi żmien meta Louis kien qed jaħmi l-konfoffa kontra tiegħu, smajtu jgħid “Kull Kap li kellu l-Partit dejjem il-mewt neħħietu. Għaliex qed jagħmluli hekk? Għaliex iridu iwarrbuni b’din il-kattiverja kollha?” Darba oħra qal “Dak ħabbejtu daqs ibni. Id-daqqa tal-istallet tiegħu ġo dahri tweġġa wisq”. Ġorġ Borg Olivier kien qed jitkellem fuq Louis Galea.
Dan huwa fatt li jista’ jiġi konfermat b’mod faċli ħafna. Louis kien il-moħħ wara dan l-attakk fuq Kapijiet oħra tal-Partit Nazzjonalista. Wara dan l-ewwel attakk ġie t-tieni attakk. Dan seħħ wara l-elezzjoni tal-1996. Dan it-tieni attakk ta’ Louis fuq Eddie Fenech Adami jitkellem dwaru Eddie Fenech Adami stess. Ftit taż-żmien ilu, Louis Galea ċaħad l-id moħbija tiegħu (flimkien ma’ oħrajn li nafuhom ukoll imma mhux il-mument li nsemmuhom). Fuq dan it-tieni attakk m’għandiex esperjenza diretta imma jekk Louis jaħseb li ser nemmen lilu u mhux lil Eddie għandu żball kbir. Eddie kien preċiż fil-kitba tiegħu. Eddie stess jgħid li fost dawk li talbuh jibqa’ kien hemm Fr. Peter Serracino Inglott.
Louis jista’ jgħid li jrid għax la hu ser jimpressjonani u lanqas ser jikkonvinċini. Għall-grazzja tal-ħanin Alla, Eddie baqa’ hemm u dak li wettaq hu mniżżel fl-istorja b’ittri tad-deheb. Fit-tieni attakk Louis falla, ma rnexxielux. It-tesserati ma ħafrulux u meta pprova jilħaq Kap wara li rtira Eddie kien il-kontestant li ġab l-inqas voti.
Imma meta dinosawru jaħseb li għandu dritt divin li l-Partit iqisu tiegħu, dan jibqa’ iggranfat u jibqa’ jagħmel ħiltu biex jibqa’ jiddetta. Immedjatament kif il-partit tilef l-elezzjoni tal-2017 kiteb lil Simon Busuttil u offrilu li jsir hu interim Kap sa x’ħin Simon isib saqajh. Waħda mill-ambizzjonijiet li kellu Louis kienet li jmexxi kampanja elettorali. Din il-proposta Simon ma daħalx għaliha bir-riżultat li Louis ma rnexxilux imexxi l-kampanja tal-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali. Imma xorta kompla. Daħal fil-kumitat sezzjonali tal-Imqabba u ħa f’idejh dan il-kumitat b’saħħa.
Żball kbir ta’ Simon kien meta fdalu f’idejh il-kummissjoni biex tagħmel id-‘due diligence’ tal-kontestanti għal Kap fit-2017 meta ħareġ b’dak il-parir infami biex Adrian Delia jikkonsidra l-applikazzjoni tiegħu għal Kap. Hawnhekk Simon ikkommetta żball ieħor politiku tiegħu meta rrepeta dak id-diskors ta’ Louis. Simon ma kellux jidħol fiha imma Louis daħlu f’xibka.
Dan raġel li ma jċedi qatt u ma naħsibx li dan hu xi preġju. Wara rnexxilu jersaq qrib Adrian Delia. Peress li Louis Galea hu meqjus ikona tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia fdalu f’idejh it-tibdil fl-istatut. Louis ħassu glorjuż għal darba oħra u wara ħafna teatrini ta’ laqgħat u konsultazzjoni, kiteb l-istatut kif ried hu bil-ħsieb li jinterpretah kif irid hu wkoll. Wara li ħa l-glorja kollha, meta l-Kunsill Ġenerali addotta l-istatut unanimament, wasal iż-żmien li kien ilu maħsub biex għal darba oħra jerġa’ jattakka lill-Kap tal-Partit. Infakkar f’dik l-email moqżieża mibgħuta lill-kunsillieri (permezz tas-serv fidil tiegħu Richard Muscat) wara l-vot ta’ sfiduċja fil-Kap fl-Ezekuttiv.
Kif għidt qabel, kemm kemm kienet għadha nixfet il-linka tal-iffirmar tal-istatut il-ġdid, li ma wżahx biex jinterpretah kif irid hu u jattakka bla ħniena lill-istess kap li kien għadu kif onorah. Għat-tielet darba reġa’ għamilha. Tul it-tliet snin ta’ tmexxija ta’ Adrian, Louis reġa ħema attakk ieħor fuq il-Kap elett b’mod demokratiku. Kif għamel ma’ Ġorġ għamel ma’ Adrian. Ġorġ ħabbu bħal ibnu, Adrian ħabbu bħala ħabib. Lit-tnejn sawwathom bl-istess mod – bid-daqqiet tal-istallet ġo darhom. It-tnejn qalu li fdawh b’mod ta’ rġulija u pattielhom bl-istalletti. Dan huwa Louis l-ikona fażulla tal-Partit. Dan huwa Louis li dejjem uża l-id moħbija imma b’saħħitha tiegħu. Dan huwa Louis li jaħseb li l-Partit huwa tiegħu bi dritt. Dan huwa Louis li jidħaqlek imma jekk jaħseb li tista’ tfixklu jsawtek. Dan huwa Louis li, bl-abbozz tal-istatut f’idejh miktub skond kif ried hu u hu biss, qal f’waħda mill-kmamar fid-Dar Ċentrali u nikkwota: “Irrid nkeċċi n-nies minn hawn ġew”. Għidilna Louis lil min ridt tkeċċi mid-Dar Ċentrali? Forsi tħallina naħsbu waħedna u naslu b’mod faċli għall-konklużżjonijiet tagħna?
Il-verita’ hija li Dr Grech imiss issa. Dr Galea poġġieh u Dr Galea stess qed jiddettalu x’għandu jagħmel. Biss nistenna ftit għaqal u attenzjoni minn Bernard Grech. Mid-dehra dar-raġel ma jistgħax ma jagħmilx dak li jgħidulu. Mar spalla ma’ spalla miegħu għal seminar lil kandidati ġodda u mhumiex. Ma jinteressanix x’qalilhom imma nistaqsi. Qalilhom kif minn Ministru tal-Gvern titlef postok fil-parlament? Qalilhom kif titlef is-sapport u l-fiduċja tal-kostitwenti tiegħek stess? Qalilhom għaliex? Tgħid qalilhom li kif issibu postkom Ministri, għandhom jagħtu ordni lil tal-customer care tagħkom biex lil kull min iċempel issaqsuh minn fejn hu u jekk ma jkunx mid-distrett fejn joħroġ huma ma jagħtux kasu? Din għaddejt minna personali jien meta ċempilt aktar minn 50 darba u qatt ma kelmuni jew bagħtu għalija. Kelli mmur personalment l-parlament u tgħajt lill-ministru kkonċernat erba’ kelmiet kif jixraqlu u ovvjament ma nqdejtx.
Dr Grech diġa għandek esperjenza ta’ dan ir-raġel kif jaħdem. Eżempju ċar semmejtu aktar qabel. Għalfejn erġgħajt tgħajtu f’idejh il-kitba ta’ statut jew regoli ta’ kif għandhom jaħdmu il-fergħat tal-Partit? Mela veru għandna Partit li ma jafx jitgħallem mill-iżbalji tiegħu stess. Possibbli Dr Grech inti daqshekk ‘naive’ li ma ndunajtx fejn jista’ jasal dan id-dinosawru? Dan huwa Louis li bil-manjieri u l-atteġġjament tiegħu għandu kapaċita’ unika li jitħollok f’ħobtok bħal lifgħa valenuża.

