Joe Giglio jikkritika lill-pulizija: jispiċċa jaqbel miegħi

In-Net News jagħmel reportage dwar il-każ ta’ Gordon Debono li hu akkużat b’ħasil ta’ flus. Il-ġurnalista ta’ Netnews intervista lill-avukat Joe Giglio dwar dan il-każ. L-avukat Giglio f’din l-intervista huwa kritiku ħafna tal-puliżija u tal-uffiċju tal-avukat ġenerali għall-mod ta’ kif qed imexxu l-investigazzjonijiet tagħhom f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Giglio għamel referenza għal każ ta’ Keith Schembri. Keith Schembri qed ikun investigat mill-pulizija fuq ħasil ta’ flus. Giglio qal ċar u tond li allegazzjonijiet fuq Keith Schembri dwar ħasil ta’ flus fissru li l-pulizija tawh ‘police bail’. Giglio indika li kieku dawn l-istess allegazzjonijiet saru fuq ħaddieħor, il-pulizija kienet iġġib ruħha mod ieħor. Giglio għamel referenza għall-każ ta’ koppja li għadhom qegħdin jiġu nvestigati fuq ħasil ta’ flus u dawn ġa tressqu l-qorti u nżammu arrestati. Giglio jgħid li l-mod kif il-pulizija qed tittratta lil Keith Schembri huwa differenti mill-mod kif trattat persuni oħra involuti f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Fuq kollox, Joe Giglio semma’ d-digriet li tat il-Magistrata Donatella Frendo Dimech fir-rigward ta’ Gordon Debono. Hija qalet lill-pulizija li dawn ma setgħux, waqt li jkunu għaddejjin bl-investigazzjonijiet, jarrestaw in-nies u jippretendu li jibqgħu arrestati meta m’għandhomx l-‘underlying criminal activity’.

Infakkar li jien qed inkun kritiku tal-pulizija u l-mod kif qed tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha l-pulziija fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Infakkar li Keith Schembri ssemma’ bħala l-mandant ta’ dan id-delitt minn Melvin Theuma. Issa jekk din hix minnha jew le, inħalli f’idejn l-investigaturi. Biss waqt li Yorgen Fenech qed jinżamm arrest għaliex Theuma semmieh bħala mandant, Keith Schembri l-anqas ġie arrestat fuq dan il-każ anki jekk ismu qed jissemma’ minn Theuma. Dan hu każ ieħor ta’ “two weights and two measures”.  

Infakkar li Yorgen Fenech qed jinżamm arrestat il-ħabs waqt li l-istess pulizija għada tgħid li qed tinvestiga l-każ u fl-istess waqt l-underlying criminal activity’ mhix ċara. Infakkar ukoll li l-istess Kummissarju tal-Pulizja qal li l-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mhux ċar.

Mela l-avukat Giglio qed jgħid l-istess affarijiet li qed ngħid jien. Id-differenza tinsab fil-fatt li Joe Giglio mhux qed jitkellem fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech iżda fuq kif qed isiru l-investigazzjonijiet fuq ħasil ta’ flus. Biss il-paralleli huwa ċari.  Mela l-analiżi li qed nagħmel jien hija preċiża u qed tkun ikkonfermata mill-istess media Nazzjonalista. Mela mill-argument ta’ Giglio stess joħroġ il-fatt li waqt li Yorgen Fenech issemma bħala l-mandant, qed jinżamm il-ħabs u għadu ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Min-naħa l-oħra, Keith Schembri qiegħed jissemma’ wkoll u qiegħed barra fuq ‘police bail’ fuq każ li ma għandux x’jaqsam ma’ Daphne Caruana Galizia. Fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, il-pulizija ħalqha magħluqa dwar Keith Schembri. Kemm nistaqsi jekk għadhomx jinvestigaw?

Issa anki esponenti prinċipali tal-Partit Nazzjonalista qed jibdew jistaqsu fuq il-mod kif qed topera l-pulizija u l-uffiċju tal-avukat ġenerali f’każijiet kriminali. Infakkar li l-kelliem għall-ġustizzja għall-Partit Nazzjonalista huwa Jason Azzopardi. Biss fuq dan il-punt, Jason Azzopardi qatt ma qal xejn. Anzi kif ħareġ ċar mir-reporti tal-media, b’mod partikolari tal-kumpilazzjoni li saret il-Ġimgħa, 18 ta’ Diċembru, Azzopardi qed juża l-pożizzjoni tiegħu biex b’saħħa kbira iżomm lil Yorgen Fenech arrestat il-ħabs. Imbagħad mhu qed jgħid xejn fuq dawn it-tip ta’ anomaliji fil-korp tal-pulizija. Illum, Azzopardi u sħabu dawru lil dan il-Partit bħala partit ta’ oppressjoni ġuridika.

Joe Giglio qal li f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus, il-pulizija aktar moħħha biex tidher ħelwa mal-Moneyval milli biex tagħmel ġustizzja. Jien inżid li fil-każ ta’ Yorgen fenech il-pulizija aktar moħħha biex tidher sabiħa mal-ġurnalisti barranin li jridu jkissru lil Malta milli għal ħaġa oħra. Quddiem din is-sentenza tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ser nibda nikkonkludi li kulħadd b’xortih fid-dinja. Fil-każ ta’ Malta, jekk inti akkużat jiddependi ħafna quddiem liema maġistrat tispiċċa biex ikollok id-drittijiet tiegħek imħarsa!

Leave a Reply