Francis Zammit Dimech idoqq l-irtirata u spiċċa jbus l-id li jrid maqtugħa

Meta jien bdejt nikteb dawn il-bloggs, bdejt nirċievi kummenti mingħand Nazzjonalisti. Francis Zammit Dimech kien iddeċida li jgħalqilhom ħalqhom. Beda jibgħat għalihom jew iċempilhom u jheddidhom li ser ikeċċihom. Biss ġara bil-maqlub. Aktar żdiedu dawk in-Nazzjonalisti li bdew jisfidawh u jgħidulu li ser jitilqu. Tant li issa spiċċa bla nies fil-kumitati. B’hekk qiegħed ibiddel ir-rotta u qed jikteb lill-membri tal-kumitati sezzjonali u jistiedinhom biex jikkontestaw. Dan għaliex numru minnhom kitbu fuq Facebook li mhux ħerġin għall-elezzjoni.

F’dan il-kuntest, irċevejt din il-messaġġ mingħand partitarju Nazzjonalista:

“Nixtieq nuża dan l-ispazju tiegħek biex nibgħat messaġġ ta’ inkoraġġiment lil Francis Zammit Dimech.  Nixtieq ngħid anki l-partitarji biex inkomplu nkoraġġixxu lil Francis Zammit Dimech ħalli jkompli jhedded bit-tkeċċijiet lil dawk il-partitarji ta’ Dr. Adrian Delia. Issa araw kif jispiċċa l-partit.  Tant kemm spiċċa f’qagħda kritika, li f’daqqa waħda Francis Zammit Dimech insieh it-theddid. Issa qed jibgħat ittra lil dawk il-membri tal-kumitati sezzjonali li qed jiktbu fuq il-facebook li mhux beħsiebhom jikkontestaw aktar għall-kumitati sezzjonali. Fiha ħafna qrid li l-Partit ‘huwa aħna lkoll’, li l-Partit ‘biex imexxi għandu bżonn lil kulħadd’.”

Dan il-partitarju jgħidlu hekk lil Francis Zammit Dimech.

“Taf Dr Zammit Dimech li numru kbir ta’ dawn li int qed tirreferi għalihom bħala ‘kulħadd’ ilhom tlett snin jaqilgħu kull tip ta’ tgħajjir minn nies viċin ħafna tiegħek? Jew kont fis-sodda magħhom dak iż-żmien allura ma dejqekx dak it-tagħjir kollu? Dr Zammit Dimech sa ftit ilu kont qed titħajjar tkeċċina u issa permezz tal-ittra tiegħek qed tistidinna nkunu parti mit-tiġdid u noffru l-esperjenza tagħna biex insawwru l-ħidma tal-Partit. Fejn kont int u sħabek meta l-partit kien qed jiġġedded u jissawwar taħt Dr Delia? Qed titlobna nkunu ‘l-leħen tal-Partit fil-lokalijiet tagħna’. Fejn kont int meta kien qed jinxtered dak il-kliem valenuż kollu minn membri tal-kumitat li ġew avvelinati bil-gideb li xerrittu int u sħabek waqt it-tlett snin ta’ Dr Delia? Issa trid l-għajnuna tagħna wara li kissirtu Partit fi tliet snin ta’ attakki kontinwi? Kemm għidtu u ġegħeltu kumitati sezzjonali jnaqqsu r-ritmu tax-xogħol tagħhom matul it-tlett snin ta’ Delia? Issa għandek ‘għan wieħed’ Dr Zammit Dimech? Tgħid hu l-istess għan li kellek qabel l-elezzjoni tal-Kap li ttajjar lill-istess Kap tiegħek biex issa poġġejt pupazz? Issa taf x’tagħmel Dr Francis Zammit Dimech? Aħdem, tqanżaħ bħal ma qed tagħmel f’din l-ittra, stinka, iġbor il-flus, ipprova għaqqad, iġbor in-nagħaġ il-mitlufa u ħafna aktar.

Biss jiddispjaċini ngħidlek li l-Partit tant saritlu ħsara li l-għaqda hija kelma diffiċċli ħafna. Ħalli nispekula bħal ma spekulajtu int u sħabek biex ittajru lil Dr Delia. Tgħid jekk twarrab int Dr Zammit Dimech, u tieħu miegħek lil-pupazz li poġġejtu u fl-istess ħin iġġorr miegħek lil dawk il-membri parlamentari u oħrajn li l-ilsna u l-attitudni ħażina tagħhom warrbu lil tant nies mil-partit, tkun qed tagħmel ħafna iżjed ġid? Tgħid jekk nisbarazzaw lill-Partit mill-imbarazz il-partit jibda jieħu r-ruħ? Irrifletti sewwa Dr Zammit Dimech. Possibbli l-kuxjenza tiegħek u ta’ sħabek tħallikom torqdu wara dik il-ħsara kollha li għamiltu lill-Partit?

Kif ngħidu bil-Malti, Francis Zammit kellu jdoqq l-irtirata u spiċċa jbus l-id li jrid maqtugħa.

Leave a Reply