Blogpost minn partitarju Nazzjonalista: Jiddefendi id-dritt tiegħi li nippubblika bloggs li huma kritiċi għat-tmexxija attwali tal-PN.

Kulħadd jgħid li jrid imma nemmen jekk irrid. Dan huwa t-twemmin tiegħi. Hekk dejjem kont u nispera li ma ninbidilx. Jiena nixtieq nirringrazzja lil Dr Mercieca u lil kull min jikteb fuq il-blog tiegħu għax qed insiru nafu ħafna affarijiet, u li kieku ma jkunx dan il-blog, dawn l-affarijiet jibqgħu mistura. Naqbel ma’ Dr Mercieca li ma jikxifx min huma l-kontributuri tiegħu. Prosit talli tibża’ għan-nies li jibagħtulek il-ħsibijiet tagħhom. Ibqa’ sejjer hekk għax tiffranka lil kull min jikteb ħafna attakki fuqhom mill-ħbieb u mill-għedewwa. Rajniha dan l-aħħar meta Francis Zammit Dimech (FZD) prova ikeċċi membru tal-partit tiegħu għax għadda kumment. Irridu naċċettaw li dawn l-attakki jiġru kullimkien għax kulma jinkiteb ikun hemm min jaqbel u min ma jaqbilx. Imma hemm minn dawn, mingħalihom il-paladini tal-partit, li l-kummenti jtuhom fastidju u jipprovaw jivvendikaw ruħhom b’azzjonijiet mhux aċċettabli. Għal dan nirringrazzjak bil-quddiem Dr Mercieca li jekk ixxandar dan li ser nikteb, jekk jogħoġbok turix ismi.

Jiena ser ngħaddi ftit ħsibijiet dwar il-kummenti li jiktbu diversi nies kull darba li tinkiteb xi ħaġa, speċjalment dwar politika. Ħafna nies jgħidu li inti qed ittella’ biss artikli jew kontribuzzjonijiet kontra l-Partit Nazzjonalista. Jiena naħseb li Malta hija maħnuqa b’gazzetti, programmi televiżivi, blogs, social media u oħrajn li kontinwament jikkritikaw lill-partit fil-Gvern, hu min hu. Dan għaliex dak li jagħmel il-gvern jolqot lil kulħadd u kollha jħarsu lejh mil-lenti tagħhom, allura jkun hemm ħafna x’tikritika. Ma naħsibx li bħali, għax dilettant tal-politika, nista’ nlaħħaq ma dawn kollha fil-kritika tiegħi. Mela min igerger għax ma jarax attakki fuq il-gvern, apparti f’din il-blog stess, għandu fejn jimraħ u jsib kritika kemm irid. Inti, għax bniedem tal-affari tiegħek, ma tippubblikax kollox għax trid toqgħod ħafna attent mir-riperkussjonijiet li jista’ jġibek fihom dak li int tipproduċi fuq il-blog jew facebook page tiegħek.

Allura lil dawk is-sinjuri li dejjem jgħidu li inti, Dr Mercieca, għandek tieħu screen shot u ttella’ l-artiklu kif ikun, ngħidilhom li ma naqbel magħhom xejn. Anżi jien napprezza li inti ser tieħu l-paċenzja u tara xi ktibt jien u tanalizza li ma qbistx l-linja legali li tista’ twassal għal xi libel. Mela meta nikteb, jien ikolli moħħi mistrieħ li mhux ser naffaċċja libelli jew sitwazzjonijiet oħra.

Hemm min qed jgħid li l-kontributuri tiegħek għandhom jinkoraġġixxu l-għaqda u dak li kien kien u li sar sar. Għal darba oħra ma naqbilx. Il-maġġoranza tat-tesserati, għall-ewwel darba fl-2017, tefgħu l-vot tagħhom u eleġġew lil min dehrilhom li kien l-aħjar għażla. Imma għal raġunijiet diversi, hemm grupp ta’ nies, li imitaw lil Ġuda u tradew lill-kap tagħhom u tiegħi. Jiġifieri issa għax Dr Delia ma għadux hemm ninsa dak it-tgħajjir kollu li għaddha minnu Dr Delia? Ninsa dak it-tgħajjir kollu li għaddejna minnu aħna, għax bqajna nsostnu fuq l-għażla tagħna? Ninsa l-gambetti kollha li tawh u l-għira kbira li fnithom kull darba li kienu jarawh jagħmel pass il-quddiem? Ninsa l-ġagbiniżmu ta’ Louis Galea li, waqt intervista ma’ Saviour Balzan wara l-vot ta’ fiduċja li kien rebaħ Dr Delia, qal li l-kapitlu ta’ Kap issa magħluq u nimxu wara l-Kap tal-Partit Dr Delia. Ninsa il-kliem tal-giddieb Jason Azzopardi waqt intervista oħra fuq it-television li qal ‘I am four square behind Dr Delia’. Ninsa t-tgħajjir lilna s-sostenituri tal-Kap li għajruna żibel, demel, injoranti, tal-tielet tier, marmalja, laburisti, trolls, ħamalli, ħnieżer (naħseb li biżżejjed).

Allura aħna issa m’għadniex dawn l-affarijiet kollha? Hemm ħafna eżempji oħra. Għax jgħidu li ser nibqgħu għaddejjin biha. Fejn kienu dawn in-nies fit-tlett snin ta’ Dr Delia? Kienu qed jaqblu ma dik l-attitudni? Kienu huma stess li żiedu fid-doża ta’ tgħajjir lejn Dr Delia? Issa tridu l-paċi u l-għaqda? Il-paċi u l-għaqda naqbel magħha, imma ma kulħadd, kuljum u kullimkien. Imma l-aktar kummenti li nammira huma dawk li jgħidulna li kull min jikkritika sar laburist jew qed jgħin lill-Partit Laburista biex ikabbar id-distakk. Imma possibbli li nistgħu nimmaġinaw dawn l-affarijiet? Dawn il-kummenti ġejjien min dawk li għamlu tlett snin jgħidu li b’Delia l-Partit ser imur lura. Dan kollu għax qraw dak li kitbet, emmnuha mingħajr ma staqsew għal spjegazzjoni, aċċettaw it-tkomplija ta’ attakki mis-sostenituri tagħha, għamew ma kull dell ikrah li ntefa’ u belgħu sal-istonku tagħhom li kien it-tort ta’ Dr Delia li ma ġabx l-għaqda, meta kienu jafu li kellu sbatax il-membru tal-parlament Malti u Ewropew joġġezzjonaw għal kull sifisotta. Aċċettaw in-narrattiva li kif iwarrbu lil Delia l-partit ser jieħu r-ruħ. Qed narah jien, diġa għandna vantaġġ enormi.

Daħħluha f’raskom li aħna Nazzjonalisti daqskom jekk mhux aktar minnkom. Aħna rrispettajna deċizzjoni demokratika tal-2017. Aħna bqajna nsostnu li kull Kap għandu jiġi rispettat mhux imfixkel, għandu jkollu sostenn mhux gambetti, għandu jkollu l-ammirazzjoni meħtieġa mhux għira u mibegħda, għandu jkollu l-għajnuna kollha mhux tfixkiel kontinwu. Kull azzjoni ġġib magħha reazzjoni. Dan li għaddej minnu l-partit bħalissa huwa reazzjoni ta’ kull azzjoni li ntagħmlet minn ħafna nies, l-aktar mil-ħafna membri parlamentari, fit-tlett snin ta’ tmexxija ta’ Delia. Jiddispjaċini ma tistgħux tistennew aħjar. Ikkonvinċejtu ħafna tesserati jivvutaw magħkom. Imma fil-proċess weġġgħajtu ħafna oħrajn u bir-reazzjonijiet tagħkom qed iżżidu l-weġgħat. Anke dawk li tawkom l-appoġġ qed jiddispjaċihom. Naf li l-arloġġ ma tistgħux treġġgħuh lura. Naf ukoll li issa l-baqra ħrat. Imma naf ukoll li l-alternattiva li tagħjtuna ‘leaves much to be desired’. L-alternattiva hija tant fqira li ma tagħmillek ebda kuraġġ biex tressqek lura lejn il-partit.

Leave a Reply