Partitarju jibgħat l-ittra tar-reżenja minn Kunsillier u s-Segretarju Ġenerali jinjoraha

Qiegħed inġib email li kunsillier bagħat lis-Segretarju Ġenerali, Dr. Francis Zammit Dimech. Din l-email bagħatilu fis-6 ta’ Ottubru 2020. Biss baqa’ ma ngħatax tweġiba. B’hekk wara xi ġimgħa jew aktar bagħathielu hard copy u attaċċjajlu it-tessera tiegħu. Biss xorta waħda Dr. Francis Zammit Dimech ma tax kas. Anzi, dan il-kunsillier baqa’ jirċievi sms mill-partit fuq il-mobile tiegħu.

Dan il-kunsillier ma jridx jibqa’ fil-Partit Nazzjonalista minħabba l-mod kif ġie ttrattat mill-istess nies li llum nafu li tajru lil Adrian Delia minn kap tal-Partit Nazzjonalista. Illum huwa pensjonat. Kif irrakkontali huwa stess, l-istess nies li ħadmu kontra Adrian Delia kienu l-kawża tiegħu biex jitlaq mill-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt hu bagħat din l-email meta Dr. Adrian Delia kien kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-Segretarju Ġenerali qatt ma interessa ruħu fil-kawża ta’ din il-persuna. Tant hu hekk, li anki wara li Dr. Delia ma baqgħax kap, xorta waħda hu ma jridx ikollu x’jaqsam aktar mal-Partit Nazzjonalista.

Mela Francis Zammit Dimech isib il-ħin biex joqgħod ifittex fuq Facebook x’inhuma jtellgħu l-partitarji Nazzjonalisti u jibgħat għalihom jew iċempillhom jekk ma jaqbilx mal-kummenti tagħhom. Imbagħad ma għandux ħin biex iwieġeb għall-email ta’ tesserat imweġġa’ li qed jitolbu biex iħassru mis-sistema tal-Partit Nazzjonalista. Anzi jinjora l-email u jibqa’ jibgħatlu l-messaġġi tal-Partit Nazzjonlista.

L-email hija kif ġej:

Qed nibgħatlek din l-email biex minn wara li tirċieviha, tħassar kull informazzjoni personali li l-Partit Nazzjonalista għandi dwari.

Nitlob ukoll li kull informazzjoni li għandha ELCOM fuqi titħassar, inkluż indirizz postali u elettroniku, landline u mobile phone number, etc.

Barra min hekk nitolbok tassigura li t-talba tiegħi li ninqata’ mil-lista tat-tesserati, issir mil-aktar fis possibbli.

Fl-aħħarnett, qed nitolbok li b’effett immedjat nitneħħa minn fuq il-lista tal-Kunsillieri (Kunsill Ġenerali) u tavża b’dan lil kumitat sezzjonali ta Marsaskala.

Id-deċiżjoni tiegħi hija finali u nesiġi li tiġi rispettata.

M’hu ser naċċetta lil ĦADD jiġi jipprova jipperswadi biex idawwarli d-deċiżjoni tiegħi inkluż il-Kap Dr Adrian Delia. 

Inħoss li din il-korrispondenza għandha tibqa konfidenzjali.

Kien biss wara li baqa’ jiġi injorat li din il-persuna ddeċida li jagħmel din il-korrispondenza pubblika. Hu qalli hekk:

ismi għidtlek aħjar le minħabba saħħet il-mara. Jien m’għandix min x’hix nibża minnhom għax għalkemm tajt ruħi u ħajti għalihom swat qlajt u l-ħmar bqajt hemm. Illum inħares lura u ngħid kemm issuggrajt fuq xogħoli għalihom, qlajt transfers, etc u meta ġejt għall-promozzjoni ma ħadthiex. Għamilt 8 snin naħdem ta’ acting head. Meta ħarġet is-sejħa biex jintela’ l-post vakat, il-bord għażel Laburist”.  

Dan il-kunsillier komplja jgħidli,

Jien qatt ma tlabt xejn mill-Partit fil-Gvern… imma hux nagħmel 8 snin acting bħala Kap ta’ Dipartiment, u nibqa’ nitħallas bil-paga li kelli qabel, imbagħad jimsħu l-art bija. Ma ridtx favuri. Ma ridt nisraq xejn ta ħadd… Ridt dak li hu tiegħi. Tmien snin esperjenza l-anqas biss taw kashom. Ħaġa waħda kelli kontrija li ma kontx mid-distrett ta’ Louis Galea.

Il-problema tiegħi fil-Partit Nazzjonalista kienet għax jien Bormliż u mbagħad mort noqgħod Marsascala. Għal Daphne konna balla ħamalli.

Mingħajr ma nidħol f’dan il-każ speċifiku għax ma nafux, dak li nista’ ngħid huwa li dan is-sentiment ta’ dan in-Nazzjonalista qed iħossuh illum numru ta’ Laburisti li jgħidulek li dan hu gvern li qed jaqdi n-Nazzjonalisti.

Fil-verita’ jeżistu grupp ta’ nies li kapaċi jgawdu taħt kull gvern iżda għandhom il-kapaċita’ li joqogħdu gallarija u jimmaniġjaw minn wara.

Leave a Reply