Joseph Muscat jew Keith Schembri: min qed jigdeb minnhom?

Dettall ieħor importanti li ħareġ mis-smiegħ tal-inkjesta tal-imħallfin tat-Tnejn li għadda kien il-fatt li parti mix-xhieda li ta Keith Schembri marret kontra x-xhieda li ta Joseph Muscat. Fi kliem sempliċi, xi ħadd minnhom qiegħed jigdeb.

Dan għaliex dak li qal Keith Schembri dwar l-elezzjoni ma qabilx ma dak li qal Joseph Muscat fuq din l-istorja. Fi kliem ieħor, Schembri reġa daħħal l-ElectroGas fix-xena tad-delitt. Hu qal li huwa kien jaf bil-‘leaks’ jew ħruġ ta’ informazzjoni dwar l-ElectroGas xhur qabel ma nqatlet Daphne Caruana Galizia u qabel il-kampanja elettorali. Hu qal li sar jaf fi Frar. Fi Frar tal-2017 kienet ħarġet l-istorja tas-17Black minn Daphne Caruana Galizia. Daphne Caruana Galizia attribwit din il-kumpanija lil Keith Schembri, John Dalli, Joseph Muscat u Konrad Mizzi. John Dalli caħad b’qawwa kbira din l-akkuża bħal ma għamel Joseph Muscat.

Fi kliem ieħor, bi kliemu, Keith Schembri qed jerġa jimplika li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-ElectroGas. Din hija n-narrattiva li jridu jmexxu ’l quddiem dawn l-imħallfin. Biss nafu mingħand il-kummissarju tal-pulizija, li dan mhux il-każ. Jiġifieri li l-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadu mhux ċar.

Nafu wkoll li din mhix in-narrativa ta’ Joseph Muscat. Joseph Muscat qal li l-elezzjoni issejħet f’Mejju minħabba l-falzita ta’ Egrant u li l-ElectroGas ma kellha x’taqsam xejn mal-elezzjoni.

Dak li jista’ jingħad huwa li The Times segwiet in-narrativa li qed jitkellem dwarha Keith Schembri. Infakkar li The Times mexxiet in-narrativa li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-ElectroGas. Issa The Times għamlet business kbir ma’ Keith Schembri!

Fuq dan il-punt jew kontradizzjoni fix-xhieda ta’ Keith Schembri kiteb l-ex-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Dr. Delia ma qagħadx idur mal-lewża. Qal li Keith Schembri gideb taħt ġurament. Fi kliem ieħor, Dr. Delia qiegħed hawn jemmen aktar lill-ex-Prim Ministru milli lill-ex-Chief of Staff.

Jien ma nafx min minnhom qed jgħid il-verita’. Biss naqbel ma’ dak li qal Dr. Delia. Interessanti l-fatt li David Cas ħareġ jaqbeż għal Keith Schembri. Casa ma semmhiex b’ismu. Biss wara din ix-xhieda minn Keith Schembri, Casa qal li l-Prim Ministru qed jigdeb.

Biss iċ-ċirasa fuq il-kejk tinsab hawn. Meta quddiem l-imħallfin deher Paul Apap Bologna, dawn staqsewh qatigħ dwar l-ElectroGas u l-Azarbaijan. Imbagħad, dehru quddiemhom Keith Schembri u Joseph Muscat, li t-tnejn li huma marru l-Azarbaijan u mbierek Alla, fuq dan il-fatt, dawn it-tliet imħallfin ma staqsew xejn!

Daqshekk serja hija din l-inkjesta u daqshekk hija serja r-riċerka li qed jgħidu li jridu jagħmlu dawn il-membri tal-bord ta’ din l-inkjesta kontra l-korruzzjoni!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *