Għaliex jien nitkellem kif nitkellem fuq Yorgen Fenech

Il-ġurnalist Matthew Agius għamel ir-reportaġġ tas-smigħ tal-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Inħoss li l-Malta Today qed tagħti servizz tajba f’dan is-sens. Biss il-ġurnalist Matthew Agius irid joqgħod attent kif jikteb. F’mument minnhom sejjaħ it-tliet persuni akkużati li għamlu l-bomba fil-karozza ta’ Daphne  Caruana Galizia bħala li verament huma l-persuni li qegħdu din il-bomba.

Infakkar li dawn għad iridu jgħaddu ġuri. Iċ-ċertezza tiġi wara s-smigħ tal-ġuri. Mela kif qed nagħmluha fatta li dawn huma t-tliet persuni kienu huma li għamlu l-bomba? Dan għaliex qalu Melvin Theuma li issa qed joħroġ aktar fil-beraħ li mhux xhud kredibbli? Kieku kien kredibbli, ġa tela’ jixhed.  Tant kemm mhux xhud kredibilli li l-prosekuzzjoni qed tagħmel minn kollox biex ma ttellgħux jixhed.

Qed ngħid dan b’preferenza għal dak li kiteb Matthew Agius meta sejjaħ ‘Three men who executed the murder -George Degiorgio, Alfred Degiorgio and Vince Muscat”.  Nirrepeti li hu żball li dawn jissejħu bħala il-persuni li wettqu dan id-delitt meta l-anqas għadhom għaddew ġuri.

Għaliex qed ngħid dan? Illum kien hemm każ ieħor mill-qorti. Dan kien jikkonċerna ex-Supretendent tal-pulizija, Patrick Spiteri. Dan kien ġie mixli fl-2006 li xxaħħam u b’hekk kien jgħalaq għajnejh għall-lotto illegali. Illum, wara 14-il sena dan ġie illiberat. Ix-xhud prinċipali tal-pulizija u tal-avukat ġenerali tqies mhux kredibbli mill-qorti. Inċidentalment, din l-aħbar kienet ukoll, covered għal Malta Today, minn Matthew Agius.

Għiduli intom kif dan l-ex-supretendent ser jingħatalu dak kollu li tilef minħabba din l-istorja? Il-kawża tiegħu kaxkret aktar minn 14-il sena. Infakkar li Spiteri kellu jirreżenja mill-pulizija u tilef kull ċans ta’ promozzjoni fil-korp. Għiduli intom kif tista’ ssir ġustizzja miegħu? Naħseb li wasal iż-żmien li dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu wara dawn l-oxxenitajiet jibdew jinżammu responsabbli ta’ egħmilhom. Imbagħad taraw kemm jibdew jiġru l-affarijiet u kif jinqata’ t-tkaxkir tas-saqajn.

Illum tifhmu għala nitkellem kif nitkellem fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech. Hu sew li persuna tinżamm il-ħabs meta hemm dan it-tkaxkir tas-saqajn kollu? U issa jekk ikun ippruvat, bħal ma ġara fil-każ ta’ Spiteri, li x-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni mhux kredibbli, għiduli intom x’ser jiġri?

Issa tifhmu għalfejn il-media trid toqgħod attent kif tikteb.

Leave a Reply