Nhar is-Sibt ser isir ġbir ta’ fondi għax-xiri tal-ikel biex jitqassam lill-familji fil-bżonn
Il-bieraħ waqt il-programm tiegħi, Simon Mercieca jiddiskuti li jiġi mxandar fuq Xejk TV kull nhar ta’ Erbgħa fi-8.30 pm, kelli żewġ mistiedna speċjali. L-ewwel mistieden kien Dun Giovann Curmi. Dan responsabbli mill-għajnuna lill-foqra għad-djoċesi ta’ Għawdex.
Waqt il-programm, Dun Giovann Curmi semma’ inizzjativa sabiħa li għaddejja bħal issa ġewwa Marsalforn, Għawdex. Din hija indipendenti mill-knisja Għawdxija. Biss xorta ta’ minn ifaħħarha.
Ġewwa Marsalforn Għawdex qed ikun hemm van tal-ikel iqassam soppa u ħobż. Waqt li ħafna jassoċċjaw Marsaforn ma’ vaganzi u tbaħrid, Dun Giovann Curmi wera li wara dawn il-faċċati ta’ flats li nbnew f’Marsalforn qed jilqgħu fihom persuni, ħafna drabi barranin, iżda anki Maltin, li ma għandhomx għaxja ta’ lejla. Verament qegħdin fil-faqar.
B’hekk permezz ta din l-inizzjattiva qed ikun offrut soppa u ħobża b’xejn għal matul dawn il-jiem ta’ festi tal-Milied. Dan qed kull nhar ta’ Ġimgħa u ser ikun hemm anki nhar il-Milied.
Fuq kollox, ħafna familji Maltin u Għawdxin qed jiġu mitmugħa mill-kummissjoni fi ħdan il-Knisja magħrufa bħala Djakonija. Biex jiġi mgħejjun ix-xogħol ta’ din il-kummissjoni, nhar is-Sibt, 13 ta’ Dicembru, Dun Ġwann Farrugia ser ikun qed jagħmel kunċert fuq Xejk TV, li jibda fl-4 pm u jibqa sejjer sa’ nofs-il-lejl li matulu ser ikun qed jiġbor flus.
Bil-flus li jinġabru ser jinxtraw xirjiet li ser jingħataw lill-familji li llum jinsabu fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li intlaqtu ħażin mill-Covid19. Ġew identifikati mal-1200 familja f’Malta u mat-300 familja f’Għawdex li l-anqas għadhom x’jieklu. B’hekk dan il-ġbir qed isir bi sħab ma’ struttura fi ħdan il-knisja li tissejjaħ Djakonija.
Persuna li kelli l-bieraħ fil-programm kien Albert Debono. Albert Debono huwa l-kap tal-Unit Djakonija fil-parroċċi tal-knisja f’Malta. F’Malta, din hija parti mill-Caritas. Debono jikkordina mal-parroċċi Maltin, it-tqassim tal-ikla tal-Milied għal min ma jistax isajjar.
Hu ħabbar li nhar il-Milied ser jingħataw mat-850 ikla b’xejn lill-familji li ma jifilħux jagħmlu l-ikla tal-Milied. Fuq kollox isiru ikliet regolari għal nies li jkunu waħidhom matul is sena. B’kollox isiru madwar 100 ikla kuljum. Dawn l-ikliet jsiru u jingħataw mill-Alf Mizzi Foundation u jitqassmu permezz tal-ħidma tal-volontiera fil-parroċċi. Dun Giovann Curmi huwa l-persuna ġewwa Għawdex responsabbli mill-kummissjoni Djakonija. Bħal ma jiġri f’Malta, din il-kummissjoni tieħu ħsieb dawk fil-bżonn ġewwa Għawdex.