L- Imħallef Micallef ikkonkluda li akkużat iġarrab ksur tal-jeddijiet tiegħu meta jissemma’ bħala ġa ħati f’inkjesta

Illum Inews tatna aħbar oħra interessanti mill-qorti. L-eks-ċermen tal-Enemalta, Tancred Tabone, kien għamel kawża kostituzzjonali għaliex ħass li d-dritt tiegħu ta’ smiegħ xieraq ġie miksur. Tabone kien ġie mixli b’tixħim, frodi u ħasil ta’ flus fi Frar tal-2013 marbut ma’ dak li baqa’ magħruf bħala l-iskandlu taż-żejt. Infakkar li fuq dan il-fatt ta’ tixħim kien ukoll tressaq quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubblici. Kienet din l-inkjesta mill-Kumitat Permanenti tal-kontijiet Pubbliċi li wasslet lil Tabone biex jagħmel din il-kawża għax insista li matul is-seduti ta’ dan il-kumitat, kien hemm min esprima l-fehma li huwa kien ħati meta l-kawża kriminali kontrih kienet għadha ma nqatgħetx.

Niftakar li jien kont ġejt mistieden biex nitkellem fuq dan il-każ fuq is-Super One. Kont għidtha ċara u tonda li ma kontx qed naqbel ma’ din l-investigazzjoni minn dan il-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi. Kont ġejt mgħajjar li mhux qed naqbel għaliex qed niddefendi l-interessi tal-Partit Nazzjonalista. Ma qbiltx għaliex din kienet qed toħloq preċedent ikrah. Għaliex kien qed ikun hemm proċessi paralleli.

Illum is-sentenza tal-Imħallef Joseph Micallef tatni raġun. Inews tgħidilna li l-Imħallef Joseph Micallef warrab it-talba li għamillu l-eks-Ċermen tal-Enemalta Tancred Tabone biex il-kawża kontrih dwar korruzzjoni tieqaf minħabba li kien hemm min semmih quddiem kumitat parlamentari. Din kienet sentenza ġusta tal-imħallef.

Biss l-imħallef Micallef ma waqafx hawn. Fl-istess waqt l-imħallef Micallef ikkonkluda li verament Tabone ġarrab ksur tal-jedd tiegħu għal smiegħ xieraq minħabba l-mod kif mexa l-imsemmi kumitat parlamentari u minħabba li kien hemm min sabu ħati.

Mela sewwa qed ngħid jiena li l-mod kif din l-inkjesta dwar jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setgħax ikun evitat minn dawn it-tliet imħallfin qed itellef lil Yorgen Fenech milli jkollu smiegħ xieraq. Waqt li fl-inkjesta taż-żejt, Tabone issemma’ ftit drabi, fl-inkjesta ta’ dawn it-tliet imħallfin, Yorgen Fenech qed jissemma’ il-ħin kollu bil-media skjerata tgħidlu li hu l-assassin. Imbagħad, dawn l-imħallfin l-anqas talbuh jekk iridx jixhed u l-anqas iridu jagħtu l-atti ta’ fejn jissemma’ lill-avukati tiegħu. Fuq kollox, l-imħallfin l-anqas talbu biex jitla’ jixhed lil zijuh Ray Fenech.

Dan ikompli juri l-mod xejn korrett li qed timxi din l-inkjesta pubblika.

L-artiklu tal-Inews huwa hawn taħt:

Leave a Reply