Il-Parlament Malti umiljat mit-tliet Imħallfin

B’dak li għamlu dawn it-tliet imħallfin, meta minn rajhom iddeċidew li jibqgħu għaddejjin bl-inkjesta wara li l-perjodu tagħhom għalaq, umiljaw il-parlament. Dan qalitu l-avukata Anna Mallia fuq il-Facebook Page tiegħi. Fi kliem ieħor, dawn l-imħallfin għamlu oltraġġ lill-Prim Ministru u anki l-Parlament Malti. F’dan il-kuntest nieħu gost li l-Prim Ministru rreaġixxa għal din is-sitwazzjoni u ħareġ stqarrija fejn qal li ser iżomm, lil dawn it-tliet min-nies risponsabbli ta’ egħmilhom.

Huwa fatt magħruf li dawn l-imħallfin kisru kull termini ta’ din l-inkjesta. Dwar dan il-punt,  l-avukat Anna Mallia ilha titkellem. Hija kkwotat lil Jason Beer QC mill-Ingilterra. Dan huwa espert jew aħjar awtorita’ fl-inkjesti pubbliċi. Dan jgħid li l-funzjoni ta’ inkjesta pubblika hija li tfittex u tindirizza dawn it-tliet punti:

X’ġara?

Għaliex ġara dak li ġara u ta’ min hija l-ħtija?

X’seta’ sar biex ikun miżmum dak li ġara milli jiġri?

Issa t-termini ta’ din l-inkjesta huma ċari. Dak li kienet qed tfittex din l-inkjesta huwa l-fatt jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setgħax ikun evitat? Kemm infakkar li dawn l-imħallfin qatt ma wrew interess  jekk b’xi mod il-familja kellhiex xi tip ta’ risponsabilita’ biex tevita’ dan il-fatt. Mhux talli ma fittxuh talli fl-inkjesta tat-Tnejn 14 ta’ Diċembru, saħansitra rredikolaw l-istorja tal-kompjuter u kull min staqsa għala din il-familja qatt ma tat dan il-kompjuter lill-pulizija. Fuq dan nitkellem aktar ’il quddiem.

Minflok, dawn l-imħallfin qalu li huma lesti jkomplu anki mingħajr paga. Mela għala għandna, aħna l-poplu Malti, inħallsulhom għax-xogħol li għamlu meta dawn lesti jaħdmu b’xejn? Fuq kollox, jidher ċar li dawn ġa għamluha fatt għaliex iridu jkomplu. Dawn ġa għamlu fatt x’inhi r-raġuni ta’ dan id-delitt. Dan qalha b’mod ċar u tond l-imħallef Joseph Said Pullicino meta qal li kieku l-isem tas-sid tas-17Black sar magħruf mill-ewwel, dan id-delitt kien ikun evitat. Kif jaf dan il-fatt? Infakkar li ġa ġie stabbilit li ma hemm l-ebda korruzzjoni wara l-kuntratt tal-ElectroGas u din mhix il-mottiv ta’ dan id-delitt? Fuq kollox, jekk ġa jaf u kkonkluda x’inhi r-raġuni, x’interess għandu biex ikompli? Ma naħsibx li dan għandu jkun il-mod ta’ kif jirraġuna l-imħallef u wisq aktar persuna li kien prim imħallef.

Meta qed jgħidu li ġa jafu l-mottif u anki lesti jkomplu mingħajr paga, aktar jikber it-tħassib f’moħħ il-pubbliku li dawn ma huma xejn indipendenti u imparzjali. 

Fuq kollox, anki jekk huma lesti li jaħdmu b’xejn, hemm ħafna ħaddiema marbuta ma’ din l-inkjesta li jridu jitħallsu. Dawn min ser iħallashom? Ser iħallsuhom l-imħallfin jew il-membri tal-familja Caruana Galizia?

Il-verita’ hija oħra. Dawn ma jistgħux jiddeċidu huma jekk ikomplux jew le. Dan jiddeċidih il-Parlamenti Malti u l-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż. Nemmen li l-parlament għandu jieħu azzjoni għax dan huwa oltraġġ fuq il-parlament. Infakkar li kull meta kien hemm inkjesta pubblika, qatt ma kien hemm każ li ġeddew il-perjodu tagħhom mingħajr ma ntalab u ngħata permess biex isir dan. 

Fil-verita’ ġejna fi stat ta’ anarkija fejn din il-familja tal-Caruana Galizia ħadet il-kontroll tal-istat f’idejha. U dawn l-imħallfin qed jippruvaw, b’saħħa kbira, jibdlu lil Daphne Caruana Galizia fi brandname nazzjonali. Dan qed ikisser l-istat ta’ dritt f’Malta. Dawn l-azzjonijiet qed jumiljaw il-Parlament Malti. Verament għandna quddiemna oltraġġ lejn il-Prim Ministru u lejn il-Parlament Malti. Fi kliem sempliċi, il-Parlament Malti ġie umiljat.

Leave a Reply