Where your opinion counts

Blogpost: Ittra mingħand partitarju Nazzjonalista

Għażiż Dr Mercieca

Jiena Nażżjonalist akkanit. Ilni ngħin lil-Partit minn żmien Borg Olivier. Imma meta naqra l-kitbiet tiegħek, jew kitbiet minn nies oħra fuq l-istess blog tiegħek, nasal biex nibda ninkwieta ruħi. Qed nibża li l-finanzi tal-Partit mhumiex ikkurati sewwa u jekk dak li qed jintqal huwa veru allura l-Partit għandu diżastru quddiemu. Jiena pruvajt nieħu xi informazzjoni mill-Partit imma kulħadd qiesu ħeles minni.

Ħa ngħidlek Dr Mercieca jekk tippermettili jien ser nipprova nisraq ftit spazju fil-blog tiegħek biex forsi toħroġ xi ftit informazzjoni għaliex l-affarijiet m’huma ċari xejn. Mela ftit ġimgħat ilu smajna lill-Onor Robert Arrigo jgħidilna li, biex iwaqqaf l-emoroġija tal-flus li kienu jintefqu, lanqas ħalla nies jidħlu jaħdmu fl-uffiċċju tal-Kap tiegħu dak iż-żmien. Smajna wkoll lil Dr Delia jirrispondi f’waħda mill-intervisti li hu ma setgħax ikollu miegħu kap tas-segretarjat jekk segretarjat ma kellux għax kien hemm persuna waħda impjegata. Arrigo kien qal ukoll li n-nefqa tal-uffiċċju tal-Kap fi żmien Dr Delia kienet l-anqas waħda matul iż-żmien.

Issa ħa niġu għas-sitwazzjoni tal-lum. Qrajt fuq il-blog tiegħek li qed jingħataw diversi jobs kemm fis-segretarjat ta’ Dr Grech u f’postijiet oħra. Ħa nipprova nsemmi xi ftit mill-memorja ovvjament minn dak li qrajt. Issemmew tlett diretturi. Inti staqsejt ukoll fuq persuna oħra li qiegħda tkun regolari l-partit bħal issa u xtaqt tkun taf jekk ħaditx pożizzjoni ta’ direttur ukoll. Mela fil-kas jiġu erbgħa. Inti staqsejt ukoll li dawn qed jitħallsu €40,000 fis-sena. Ma kienx hemm tweġiba. Meladawn waħedhom jagħmlu €160,000. Ejja magħhom inżidu mal-€40,000 oħra spejjeż fuq persuni oħra li ddaħħlu issa jaħdmu fil-Partit. Mela jitilgħu €200,000 jew aktar.

Imbagħad int staqsejt direttament lil Dr Zammit Dimech jekk hux veru li qed jitħallas €2,000 NETTI fix-xahar. Naħseb li staqsejtu biex jikkonfermalek dak li diġa taf imma mid-dehra xorta bqajt bla risposta. Allura, jien naħseb li hu vera, u dan jieħu miegħu d-dar €24,000 fis-sena. Issa ma ninsewx li la jitħallas netti l-Partit irid iħallaslu t-taxxa tal-15% żgur, jekk mhux iżjed. Ejja ngħidu li dan jiġi jiswa lill-Partit €30,000 fis-sena, mela s’issa l-ispiża tal-Partit b’dawn il-pożizzjonijet li semmejna telgħu għall-€230,000. Inkompli niftakar li ssemma’ ieħor li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-MEP Casa f’Birkirkara u issa qiegħed id-Dar Ċentrali. Issemma’ wkoll li għandu uffiċċju l-partner tal-Onor Karl Gouder. Dawn s’issa għadni ma qrajtx kemm qed jitħallsu. Jekk qed jitħallsu allura l-ammont tal-pagi ġodda jibqa’ jiżdied.

Qrajt ukoll dwar il-mistoqsija tiegħek lil Dr Grech biex jirrispondik jekk hux jitħallas mill-Partit. Mid-dehra ma kienx hemm tweġiba. Jiena nibża li meta ma jkunx hemm tweġiba tfisser li r-risposta ma tkunx tista’ issir għax tkun trid tinkiexef il-verita’. Nafu minn esperjenzi diversi (u hawn jiġini f’moħħi Jason Azzopardi) li meta ma tgħidx il-verita’, l-istess verita’ b’xi mod toħroġ u kif jgħid l-ingliż ‘it comes back to haunt you’.

Jiena l-mistoqsija tiegħi hi din. B’dawn l-impjegati kollha ġodda, li qed jaqilgħu bagatella mhux ħażin u apparti l-pagi ta’ dawk l-impjegati li diġa kienu hemm, dawn il-flus minn fejn ġejjin? Skond Mr Arrigo, meta ħadu l-amministrazzjoni f’idejhom, dejn sabu u mhux kontijiet mimlijin flus. Jien din tinkwitani ħafna u nixtieq xi ħadd jgħid xi ħaġa fuqha. Nispera li mhux ser nieħdu l-attitudni ta’ “imbagħad naraw l-aqwa li jitħallsu l-ħbieb u forsi wkoll il-ħbieb tal-ħbieb”. Jien niftakar li fi żmien il-kbir Eddie flus inġabru ħafna u l-ispejjeż biex inbniet id-Dar Ċentrali kienu koperti sewwa u mid-dehra xi ħaġa kien għad fadal.

Ħa ngħidlek kif sirt naf dawn l-affarijiet Dr Simon. Darba kont mistieden f’okkazzjoni tal-Indipendenza fil-Barrakka ta’ Fuq il-Belt. Fil-gallarija li tagħti għal fuq il-Port il-Kbir kien hemm Eddie. Kien waħdu u ħassejt li għandi mmur nitkellem ftit miegħu. Aħna ħbieb antiki. Id-diskors tagħna waqa’ fuq il-Partit u fost affarijiet oħra Eddie qalli dawn il-preċiżi kelmiet, ‘Lili, xi ħadd għad irid jispjegali fejn marru l-flus li kienu nġabru meta kont Kap jien’. Lili ħallini bla kliem. Dan fl-opinjoni tiegħi jfisser li l-problema tal-flus ilha ġejja minn meta spiċċa Eddie, u sfortunatament naħseb li żdiedet. Jiena lil Eddie dejjem emmintu u ċert li la qalli hekk anke hu kien inkwetat fuq in-nuqqas ta’ finanzi fil-Partit.

Mil-ħafna battuti u anke diskorsi li ntqalu l-Partit veru għandu ħafna dejn. Allura, nifhem jien, xi ħaġa ġara biex filli Eddie jgħid li kien hemm il-flus u filli l-Partit midjun. Ħalli ngħidu kollox fl-2013 Dr Busuttil kien qal li sab ma wiċċu problema kbira finanżjarja u beda jaffronta u ttieħdu deċiżżjonijet drastiċi. Naf li dak iż-żmien tnaqqsu l-impjegati u ħarġet is-sistema tajba ħafna taċ-ċedoli (esperjenza personali). Fl-2017 b’Dr Delia Kap, komplew jittakiljaw il-problema tal-finanzi u ma ddejqux jgħidu li l-problema kienet waħda kbira u akuta. Issa b’Dr Grech Kap qed naqra, kif diġa spjegajt, li qed jiżdiedu ħafna mpjiegi. Dawn ifissru ħafna flus li mid-dehra l-Partit m’għandux. Allura biex nikkuntentaw xi ftit ser insallbu lil-Partit iżjed milli hu. Dawn jafu x’inhuma jagħmlu? Jew ma jimpurthomx? Allura hekk sewwa li aħna li tant inħobbu lil-Partit noqgħodu ninkwitaw u ma jgħidulna xejn?

Jiena naħseb li dawk kollha, eluf kbar, li dejjem għinu lil-Partit għandhom jkunu jafu fejn marru flushom. Dr Mercieca, jekk ma jumpartax għalik, ser nuża l-blog tiegħek biex ngħidlek, u naħseb ħafna oħra bħali, x’nixtieq jien u ser nagħmel suġġeriment lil-amministrazzjoni tal-Partit. Il-Partit għandu jqabbad waħda mill-kumpaniji kbar tal-awdituri, jsejjħu lis-segretarji u t-teżoriera kollha minn żmien Joe Saliba ‘l hawn, u isir awdittjar dettaljat ħafna tad-dħul u l-ħruġ kollu. Jekk l-affarijiet ikunu ċari, jien l-ewwel wieħed li nagħlaq ħalqi u nerga’ nibda nagħti dik ix-xi ħaġa tal-flus, imma jekk jinstab li kien hemm xi nuqqas minn xi ħadd jew, God forbid, xi serq dan irid jiġi mrodd lura sal-anqas ċenteżmu. Jiena naħseb li hekk biss kulħadd jista’ jserraħ rasu.

Ippermettili ngħid li l-aħħar ġabra waslet messaġġ ċar li jekk l-affarijiet finanżjarji ma jittranġawx il-Partit mhux ser jieħu ruħ finanzjarjament u n-nies ser ikomplu jnaqqsu milli jagħtu s-sostenn tagħhom. Aħfirli li ktibt ftit fit-tul. Niskuża ruħi wkoll li użajt il-blog tiegħek biex nipprova nwassal messaġġ lil-Partit imma kelli nagħmel hekk għax ħadd ma ta kasi u naf li dak li tikteb inti qed jaqrawh ħafna nies. L-iskop uniku tiegħi hu li nerġa’ nara lil-Partit għażiż tiegħi jerġa’ iqum fuq saqajh speċjalment finanzjarjament. Jien ser inħalli f’idejk jekk u kif tista’ twassal dan il-messaġġ. Jekk taħseb li mhux f’waqtu u f’postu tippubblika xejn. M’hiniex ser nieħu għalija. Jekk taħseb li jekk ixxandru jkun ta’ ġid qed intik l-permess kollu li tagħmel dan. Nirringrazzjak minn qalbi talli qrajt dak li ktibt u nawguralek il-festi t-tajba lilek u lill-familja tiegħek.

Inselli għalik

(Name withheld)

One thought on “Blogpost: Ittra mingħand partitarju Nazzjonalista

  1. Dawn l-osservazzjonijiet ta’ dan is-sinjur ghandhom jigu mwiegba. Irid ikollna accountant b’id tal-hadid. Kull dhul u hrug irid ikollu deskrizzjoni qasira li tkun bizzejjed bhala gustifikazzjoni. Xejn minn wara d-dahar. Li qal il- korrispondent ta’ qabli huwa allarmanti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *