Francis Zammit Dimech ikompli jiġi sfidat mill-kunsilliera u partitarji Nazzjonalisti

Francis Zammit Dimech qed ikompli bil-ħidma sfiqa tiegħu biex isikket lill-Partitarji Nazzjonalisti li qed ikunu kritiċi lejn it-tmexxija preżenti ta’ Bernard Grech. Dawn il-partitarji huma ġenwinament inkwetati għaliex qed jindunaw li Bernard Grech qed idaħħal lill-Partit Nazzjonalista ġol-ħajt.

F’dan il-kuntest, komplejt nirċievi messaġġi mingħand Nazzjonalisti li qed ikunu avviċinati minn Zammit Dimech biex jieqfu jikritikaw lill-Partit Nazzjonalista fuq Facebook. Partitarju kitibli u qalli li bagħat għalih Francis Zammit Dimech wara li qara xi messaġġi li huwa ppubblika fuq il-Facebook. Akkużah li qed jikteb kontra l-Partit Nazzjonalista. B’hekk qallu biex ma jibqax jikteb. Id-diska ta’ Francis Zammit Dimech qed tkun dejjem l-istess. Ieqaf ikteb kontra l-Partit Nazzjonalista li tfisser  ieqaf ikteb kontra Bernard Grech. Jekk m’intix kuntent mur independenti.

Kull darba li s-segretarju tal-Partit Nazzjonalista qed jhedded lil dawn in-Nazzjonalisti bi tkeċċija, it-tweġiba li qed jirċievi qed tkun dejjem l-istess: ‘jekk trid keċċini’. Tant kemm din it-tweġiba qed ikun frekwenti li Francis Zammit Dimech mar għand sieħbu Ċensu Galea biex jiddiskuti l-istrateġija x’għandha tkun għaliex qed tibda tagħtihom rashom.

Il-verita’ hija li għal ħafna Nazzjonalisti, l-affarijiet mhux sejrin ’il quddiem, iżda lura. Francis Zammit Dimech jixtieq jikkonvinċihom li l-affarijiet ‘are getting better’. Biss qed jinduna li qed jgħix f’dinja fis-sħab.

Dan għaliex hemm partitarji u kunsilliera li ġa ħaduh dan il-messaġġ. Jekk ma tridunix, nitilqu minn rgħajna. Mhux talli mhux qed jibżgħu mis-segretarju ġenerali, talli huma stess qed jgħidu lil Francis Zammit Dimech li huma ma jridux ikollhom x’jaqsam aktar mal-Partit Nazzjonalista. Prova ta’ dan huwa dan il-messaġġ u ritratt li rċevejt mingħand partitarju Nazzjonalista ieħor mweġġa’ mill-klikka ta’ Bernard Grech. Qalli hekk:

“Jien kont fil-kumitati lokali, dawk distrettwali, fl-eżekuttiv, fl-mzpn. Kont anki kunsillier lokali. Il-klikka tal-lum bdew jagħtuni bis-sieq sakemm tlaqt. Il-verita’ hija li l-klikka li hemm illum fil-Partit Nazzjonalista trid biss yes-man. Jekk inti m’intx yes-man, ma hemmx post għalik fil-PN. Jien ma jienx yes-man u għalhekk warbuni. Qatt ma konna hekk f’dan il-Partit. Ix-xogħol tajjeb li kien qed jagħmel Delia ntilef kollu. Din il-klikka qed tħottu ftit ftit dak kollu li għamel Delia. Issa qiegħed inqatta’ kważi dak kollu li kellu x’jaqsam mal-PN. Kont żammejtu għall-aktar minn 35 sena. Illum din il-ħidma kollha li jien għamilt inħoss li spiċċat u miegħu qed jispiċċaw dawn id-dokumenti kollha li issa armejt fil-borza l-griża. Illum jiddispjaċini għal dawk li għadhom hemm jaqdfu kontra l-kurrenti ġa dan il-Partit. Għad hemm nies twajba imma mhux ser iħalluhom jaħdmu”.

Ir-ritratt li bgħattli ex-kunsillieri fejn juri dokumentazzjoni sħiħa li kien ilu jżomm marbuta mal-Partit Nazzjonalista għall-aktar minn ħamsa u tletin sena li spiċċat fil-borża l-griża.

Leave a Reply