Bernard Grech ma jafx il-liġi jew irid iqarraq

Advertisements

Newsbook tella’ artiklu fejn ġab dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Skont Grech, il-Prim Ministru Robert Abela għamel attakk bla preċedent fuq il-ġudikatura. Fi kliem ieħor għamel attakk fuq il-ġudikatura li qatt ma rajna bħalu. Dan għaliex Robert Abela qal lit-tliet imħallfin li qed iżommhom risponsabbli u ser jaffaċċaw il-konsegwenzi jekk ikomplu bl-inkjesta wara li skadilhom ż-żmien.

Suppost Bernard Grech huwa avukat u jaf il-liġi. Huwa jaf tajjeb li ma hemm l-ebda attakk fuq il-ġudikatura fl-azzjoni tal-Prim Ministru. Għalhekk, Grech irid iqarraq jew ma jafx il-liġi.

L-ewwel nibda biex infakkar lil Grech li tnejn mill-imħallfin huma rtirati. Mela fejn hu l-attakk fuq il-ġudikatura? Dawn ma għadhomx parti mill-ġudikatura. Il-fatt li waħda minnhom għadha membru tal-ġudikatura ma jibdilx l-argument li qed nagħmel.

It-tieni, dawn qed jissejħu mħallfin b’rispett lejn il-pożizzjoni li kellhom fil-qorti fl-imgħoddi u xejn aktar. Infakkar lil Dr. Grech li kien hemm imħallef u anki maġistrat li wara li spiċċaw minn xogħol ta’ mħallef jew maġistrat reġgħu marru jagħmlu xogħol ta’ avukat fil-qorti. Bl-argument ta’ Grech issa, meta xi mħallef jew maġistrat jaqta’ sentenza kontra l-klijent tagħhom, din issa għandha titqies bħala attakk fuq il-ġudikatura.

It-tielet, kif spjegajt  fi blogg ieħor, fuq din l-inkjesta jista’ joqgħod kulħadd. Allura kieku minflok imħallfin irtirati, kien hemm professuri tal-Universita’, per eżempju mill-Fakulta’ tal-Arti jew dik tax-Xjenza, konna ngħidu li dan kien attakk mill-Prim Ministru fuq l-Universita’?

Ir-raba’. Din l-inkjesta ma ġietx appuntata mill-qrati tagħna. Mela kif jista’ jkun li dak li qal il-Prim Ministru huwa attakk fuq il-ġudikatura? Li kieku din l-inkjesta kienet ġiet ordnata minn xi maġistrat jew imħallef nifhimha. Iżda dan ma kienx il-każ.

Il-ħames. Din l-inkjesta ġiet appuntata mill-Parlament Malti. B’hekk il-Parlament Malti jista’ jappunta lil min irid u jidhirlu xieraq biex imexxi din l-inkjesta. Dawk appuntati jridu jimxu mar-remit li tahom il-Parlament.

Mela jekk xejn, dak li Bernard Grech seta’ jgħid biex forsi kien ikun kredibbli huwa li dan hu attakk ta’ Robert Abela fuq is-sovranita’ tal-Parlament Malti.

Iżda b’din l-azzjoni tal-imħallfin ġara bil-maqlub. Illum għandha każ fejn huwa dawn it-tliet sinjuri li ħadu il-poter f’idejhom unilateralment. Huma ddeċidu min jheddhom li jtawlu l-perjodu tagħhom meta ma għandhomx dritt jagħmlu hekk. Dan id-dritt jappartjeni għall-Prim Ministru u l-Parlament Malti.

Jekk ma qablux mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru, dak li kellhom jagħmlu dawn it-tliet persuni huwa li jiktbu lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, bħala l-ogħla awtorita’ fil-Parlament Malti, u jitolbu l-intervent tiegħu. Imbagħad, huwa kien ikun fid-dmir u fid-dover li jressaq dan l-ilment lill-membri tal-Kamra. Imbagħad il-membri kienu jiddeċidu jekk jestendux jew le.

Fuq kollox, Dr. Bernard Grech, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, għandu l-poter, bħal ma għandu l-Prim Ministru, biex imur fil-Parlament u jitlob diskussjoni fil-kamra dwar dan il-fatt. Jekk hemm bżonn, Grech jista’ jitlob vot fil-parlament biex ikun estiż il-perjodu ta’ din l-inkjesta. Dan seta’  għamlu. Il-bieraħ kien hemm laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Minflok iddiskutew dan il-punt, qagħdu jiddiskutu l-blogg tiegħi.

Mill-bqija, kull diskors ġuridiku li qed isir, jiġifieri dak li għamel Robert Abela huwa xi attakk fuq il-qorti jew fuq l-imħallfin huwa falz u bla bażi.

Infakkar li dawn it-tliet onorabbli sinjuri huma esperti tal-liġi. B’hekk ma nistgħax nifhem kif iddeċidew li jieħdu l-liġi f’idejhom. Għall-inqas għandhom jgħidu liema liġi qed tippermettilhom jieħdu d-deċizjoni li ħadu biex jirrumblaw fuq il-Parlament Malti.