Bernard Grech ma jafx il-liġi jew irid iqarraq

Newsbook tella’ artiklu fejn ġab dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Skont Grech, il-Prim Ministru Robert Abela għamel attakk bla preċedent fuq il-ġudikatura. Fi kliem ieħor għamel attakk fuq il-ġudikatura li qatt ma rajna bħalu. Dan għaliex Robert Abela qal lit-tliet imħallfin li qed iżommhom risponsabbli u ser jaffaċċaw il-konsegwenzi jekk ikomplu bl-inkjesta wara li skadilhom ż-żmien.

Suppost Bernard Grech huwa avukat u jaf il-liġi. Huwa jaf tajjeb li ma hemm l-ebda attakk fuq il-ġudikatura fl-azzjoni tal-Prim Ministru. Għalhekk, Grech irid iqarraq jew ma jafx il-liġi.

L-ewwel nibda biex infakkar lil Grech li tnejn mill-imħallfin huma rtirati. Mela fejn hu l-attakk fuq il-ġudikatura? Dawn ma għadhomx parti mill-ġudikatura. Il-fatt li waħda minnhom għadha membru tal-ġudikatura ma jibdilx l-argument li qed nagħmel.

It-tieni, dawn qed jissejħu mħallfin b’rispett lejn il-pożizzjoni li kellhom fil-qorti fl-imgħoddi u xejn aktar. Infakkar lil Dr. Grech li kien hemm imħallef u anki maġistrat li wara li spiċċaw minn xogħol ta’ mħallef jew maġistrat reġgħu marru jagħmlu xogħol ta’ avukat fil-qorti. Bl-argument ta’ Grech issa, meta xi mħallef jew maġistrat jaqta’ sentenza kontra l-klijent tagħhom, din issa għandha titqies bħala attakk fuq il-ġudikatura.

It-tielet, kif spjegajt  fi blogg ieħor, fuq din l-inkjesta jista’ joqgħod kulħadd. Allura kieku minflok imħallfin irtirati, kien hemm professuri tal-Universita’, per eżempju mill-Fakulta’ tal-Arti jew dik tax-Xjenza, konna ngħidu li dan kien attakk mill-Prim Ministru fuq l-Universita’?

Ir-raba’. Din l-inkjesta ma ġietx appuntata mill-qrati tagħna. Mela kif jista’ jkun li dak li qal il-Prim Ministru huwa attakk fuq il-ġudikatura? Li kieku din l-inkjesta kienet ġiet ordnata minn xi maġistrat jew imħallef nifhimha. Iżda dan ma kienx il-każ.

Il-ħames. Din l-inkjesta ġiet appuntata mill-Parlament Malti. B’hekk il-Parlament Malti jista’ jappunta lil min irid u jidhirlu xieraq biex imexxi din l-inkjesta. Dawk appuntati jridu jimxu mar-remit li tahom il-Parlament.

Mela jekk xejn, dak li Bernard Grech seta’ jgħid biex forsi kien ikun kredibbli huwa li dan hu attakk ta’ Robert Abela fuq is-sovranita’ tal-Parlament Malti.

Iżda b’din l-azzjoni tal-imħallfin ġara bil-maqlub. Illum għandha każ fejn huwa dawn it-tliet sinjuri li ħadu il-poter f’idejhom unilateralment. Huma ddeċidu min jheddhom li jtawlu l-perjodu tagħhom meta ma għandhomx dritt jagħmlu hekk. Dan id-dritt jappartjeni għall-Prim Ministru u l-Parlament Malti.

Jekk ma qablux mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru, dak li kellhom jagħmlu dawn it-tliet persuni huwa li jiktbu lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, bħala l-ogħla awtorita’ fil-Parlament Malti, u jitolbu l-intervent tiegħu. Imbagħad, huwa kien ikun fid-dmir u fid-dover li jressaq dan l-ilment lill-membri tal-Kamra. Imbagħad il-membri kienu jiddeċidu jekk jestendux jew le.

Fuq kollox, Dr. Bernard Grech, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, għandu l-poter, bħal ma għandu l-Prim Ministru, biex imur fil-Parlament u jitlob diskussjoni fil-kamra dwar dan il-fatt. Jekk hemm bżonn, Grech jista’ jitlob vot fil-parlament biex ikun estiż il-perjodu ta’ din l-inkjesta. Dan seta’  għamlu. Il-bieraħ kien hemm laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Minflok iddiskutew dan il-punt, qagħdu jiddiskutu l-blogg tiegħi.

Mill-bqija, kull diskors ġuridiku li qed isir, jiġifieri dak li għamel Robert Abela huwa xi attakk fuq il-qorti jew fuq l-imħallfin huwa falz u bla bażi.

Infakkar li dawn it-tliet onorabbli sinjuri huma esperti tal-liġi. B’hekk ma nistgħax nifhem kif iddeċidew li jieħdu l-liġi f’idejhom. Għall-inqas għandhom jgħidu liema liġi qed tippermettilhom jieħdu d-deċizjoni li ħadu biex jirrumblaw fuq il-Parlament Malti.

One comment

  1. L-ewwel nett NB huwa Net2, ma tistenniex ahjar. Hawn Malta ghandna hafna Emeritus,Drs u Profs, hadd ma jrid iwaqqa t-titli avolja rtirati u anke fil parlament.Thares lejn parlamenti ewropej rari tara membru parlamentar jissejjah Dr.Fdin il grajja dawk li jsejhu lilhom infushom NGOs imma parti mill PN hadmu qatigh biex joskoraw lil Prim, sa anke deffes imniehru dak ta Malasian airline P Ormgitz,bniedem li ghalija ghandu ‘grudge’ ghal PL.issa l-prim xjista jaghmel? Din mhux biss sfida imma wkoll biex juru kemm tal bord u l-kumplament ghandhom sahha. Kull ma qed jaghmlu hu irresponsabilta u disprezz lejn listess bord. Imma hawn kollox politka,ghax bli ghamel il
    bord anke lill-opposizzjoni sfida ghax wara kollox huma parti mill parlament

Leave a Reply