Jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista b’urgenza. Kieku dan sar fi żmien Adrian Delia, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt

Bħalissa għaddejja laqgħa tal-grupp parlmentari Nazzjonalista. Din il-laqgħa ġiet imsejħa dalgħodu b’urġenża. Il-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ġew mitluba biex imorru llum wara nofs inhar fl-uffiċċju tal-Oppożizzjoni fil-parlament il-Belt għal din il-laqgħa. Il-ħin mogħti kien dak tas-saghtejn u nofs. Infatti bdiet fil-ħin u b’hekk bħalissa l-grupp parlamentari Nazzjonalista qed jiltaqa’ u jiddiskutti l-voti li jridu jieħdu fil-parlament il-lejla u għada. Dawn jinkludu l-vot dwar il-liġi kontroversjali li tippermetti lill-ġenituri li ma jiddikjarawx il-ġeneru tat-tfal tagħhom.

Il-fatt li l-group parlamentari ma tlaqqax qabel biex jiddiskuti din il-liġi juri l-konfużjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech. Dan juri il-kaos li qiegħed fih il-grupp parlamentari taħt din it-tmexxija l-ġdida. Qed ngħid dan mhux biss għaliex din il-liġi fiha nnifisha hija kontroversjali u għalhekk hemm nuqqas ta’ qbil dwarha fil-group Nazzjonalista, iżda wkoll għall-fatt li wieħed ma jgħajjatx grupp parlamentari b’urgenza, meta din is-seduta parlamentari kienet ilha fuq l-agenda tal-parlament minn ħafna jiem qabel u għalhekk ma kien hemm ebda sorpriża dwarha. Iżda waħda mid-deputati stenbħet dalgħodu u ndunat li riedet tlaqqa’ l-grupp dwar din il-liġi imsemmija. B’hekk il-group iltaqa’ ftit siegħat qabel id-diskussjoni fil-parlament b’urġenza.

Biss il-kbir qiegħed hawn. Kieku laqgħa bħal din, li saret mingħajr avviż diċenti, saret fi żmien Dr. Adrian Delia, tgħidx kemm kienu jqumu rwiefen mill-paladini tar-rule of law. Tgħidx kemm kien ikollna artikli fil-gazzetti. Tgħidx kemm kienu jiktbu l-ġurnalisti tat Times u tan-Newsbook u sħabhom li m’hemmx rispett lejn il-membri tal-grupp parlamentari Nazzjonalista mill-kap tagħhom Adrian Delia u t-team tat-tmexxija tiegħu. Ara llum differenti. llum r-ribelli mmansaw għax laħqu l-iskop vendikattiv tagħhom.

One thought on “Jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista b’urgenza. Kieku dan sar fi żmien Adrian Delia, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *