Il-Prim Ministru umiljat mit-tliet imħallfin: l-ikbar sfida li qatt ra Prim Ministru mill-Indipendenza ‘l hawn

Aspett important li ħareġ mill-inkjesta tal-bieraħ kienet l-isfida ċara u netta li dawn it-tliet imħallfin ta’ din l-inkjesta pubblika għamlu lill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-fatt li dawn iddeċidew unilateralment li jkomplu bl-inkjesta meta din kellha tiġi fi tmiemha f’Diċembru huwa sinjal ċar li dawn l-imħallfin qegħdin jisfidaw fil-miftuħ l-awtorita’ tal-istess Prim Ministru ta’ Malta. Dan għaliex il-Prim Ministru Robert Abela qal ċar u tond li ma kienx ser iġedded iż-żmien ta’ din l-inkjesta. Bl-azzjoni tagħhom, l-imħallfin qed jgħidu li huma jikkmandaw kemm iddum din l-istess inkjesta. Qalu wkoll li huma għandhom id-dritt li jġeddu t-termini tagħha mingħajr il-bżonn li l-Prim Ministru jġeddilhom.

Wieħed irid jiftakar li din l-inkjesta hija mmexxija minn ‘terms of reference’ ċari. F’dawn it-‘terms of reference’ ma hemm imkien imniżżel li l-imħallfin huma awtorizzati jew jistgħu jġeddu l-perjodu tagħhom unilateralment. Anzi artiklu 8 hu ċar. Din l-inkjesta kellha tingħalaq fi żmien disa’ xhur.

Infakkar li dan it-terminu ta’ disa’ xhur kien ġa għalaq. Meta għalaq, dawn kienu kitbu lill-Prim Ministru biex iġeddilhom u dan kien ġeddilhom. Qed ngħid dan biex nipprova dak li qed ngħid li t-‘terms of reference’ ma jagħtuhomx dan il-poter li jġeddu t-terminu huma nnifishom. Din id-darba, il-Prim Ministru ddeċida li ma jġeddidilhomx. Mela jekk dawn l-imħallfin, kif qed jgħidu, għandhom l-awtorita’ biex iġeddu ż-żmien tal-inkjesta huma stess, għaliex kienu kitbu l-aħħar darba lill-Prim Ministru u talbuh biex iġeddilhom iż-żmien tal-inkjesta?

Biss hemm aktar minn hekk f’dak li ġara l-bieraħ. Din l-inkjesta ma mhix bħal qorti. L-ikbar żball li sar f’din l-inkjesta huwa l-fatt li din qed tiltaqa’ fil-qorti u għalhekk, f’moħħ in-nies, din qed tidher bħala xi kawża jew proċess ġuridiku li wieħed ikollu fil-qorti quddiem l-imħallfin.

Din l-inkjesta hija awtorizzata’ mill-istat. Ħa nkun eżatt mill-Parlament Malti. Dan joħroġ ċar fit-termini ta’ din l-inkjesta. Mela kien il-Parlament Malti li ordna u awtorizza din l-inkjesta. Mela din l-inkjesta ma tirrispondix lill-qorti. Fil-qorti, l-awtorita’ finali qegħda għand il-Prim Imħallef. Fl-inkjesta pubblika, l-awtorita’ finali tinsab għand il-Parlament Malti. Fi kliem ieħor, bħal kull ħaġa oħra, din l-inkjesta trid tirrispondi lil xi ħadd. F’dan il-każ, din l-inkjesta tirrispondi lill-Parlament Malti.

Infatti jekk tiftakru tajjeb, Joseph Muscat kien appunta persuni fuq din l-inkjesta li ma kienux imħallfin u maġistrati. Wieħed minnhom l-anqas kien avukat. Dan seta’ jagħmlu għaliex din mhix parti mill-qorti. Fil-qorti, l-inkjesta trid bilfors issir minn maġistrat. Hawn tinsab id-differenza. Peress li din l-inkjesta tiġi mill-Parlament u tgħajjat lill-Parlament, jistgħu joqgħdu fuqha nies li mhumiex esperti tal-liġi.

Mela bl-azzjoni tagħhom, dawn it-tliet imħallfin qed iwaqqgħu l-kelma u l-awtorita’ tal-Prim Ministru. Qed jgħidu lill-Prim Ministru li appuntahom li huma issa indipendenti minnu u jiddeċidu huma kemm idum b’din l-inkjesta. Ma jistgħax jindaħlilhom aktar. Kull ma jrid jagħmel l-istat huwa li jkompli jħallsilhom il-paga!

Quddiem din l-isfida ċara lill-awtorita’ tal-Prim Ministru, il-Prim Ministru huwa fid-dmir u fid-dover li jgħajjat b’urġenza l-Parlament u jiddiskuti din l-isfida lejn l-awtorita’ tiegħu fil-Parlament Malti. Jekk dan mhux ser jagħmlu, ser ikun qed qiegħed idgħajjef l-istess awtorita’ tiegħu u ta’ kull prim ministru li ser jiġi warajh.

Infakkar li jien nistudja l-istorja. Dawk kollha li jistudjaw l-istorja moderna, jafu li din tibda bir-Revoluzzjoni Franċiża. Biss kulħadd jaf x’ġara f’din ir-revoluzzjoni.  Din wasslet għall-ħolqien ta’ dak li kien jissejjaħ id-Direttorat. Dan kien tneħħa u minflok twaqqaf dak li hu magħruf bħala l-Konsolat. Dan kien immexxi minn triumvirat. Il-kelma triumvirat hija ġejja mill-Latin, triumviratus u din tfisser li tliet persuni b’saħħithom jieħdu il-poter f’idejhom.

Dan hu dak li dawn it-tliet imħallfin għamlu l-bieraħ meta ddeċidew li jkomplu f’Jannar wara li t-terminu tagħhom skada. Din hija l-ikbar sfida demokratika li qatt ra Prim Ministru Malti mill-Indipendenza ’l hawn. Nistenna li l-Parlament Malti jiddiskuti din l-isfida b’urġenza u jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jissalvaggwardja l-awtorita’ tal-Prim Ministru u finalment l-istess awtorita’ tal-Parlament Malti. Finalment dan il-bord tal-inkjesta huwa soġġett għall-awtorita’ tal-parlament ta’ pajjiżna u għalhekk sfida bħal din trid tiġi diskussa b’urġenza mill-Parlament ta’ pajjiżna.

2 comments

  1. L-allat zghar tal-establishment, akkolti ta’ DCG u paladini ta’ sezzjoni tal-PN, qed jisfidaw mhux biss lili-Prim Ministru, imma wkoll lill-ghola istituzzjoni tal-pajjiz. Min se jwaqqafhom?

  2. IL poplu Malti, qed jiddubita mil kapacita tal PrIm Ministru/Parlament kemm jistaw jzommuwlhom lil dawn, l’NGOs, ghax nibzaw li jinqala l’inkwiet, WHAT NEEDS TO BE DONE, HAS TO BE DONE. now NOT later.

Leave a Reply