Għadhom iridu jagħmlu rapport psikjatriku biex Melvyn Theuma jitla’ jixhed
Il-bieraħ kien hemm sentenza mill-qorti li tikkonċerna l-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. L-avukati tiegħu għamlu talba biex Melvyn Theuma jitla’ jixhed. F’daqqa waħda niskopru li dan ma jistgħax jitla’ jixhed għaliex qiegħed taħt osservazzjoni psikjatrika. Il-Qorti qalet li qabel ma jkollha r-rapport psikjatriku, hu mhux ser jitla’ jixhed.
Il-problema li qed nara hija din. Dan Melvyn Theuma ilu taħt osservazzjoni psikjatrika minn Lulju. F’kundizzjonijiet normali, osservazzjonijiet jew rapporti psikjatriċi ma jieħdux aktar minn ġimgħa. Għadni qatt ma smajt li osservazzjoni jew rapport psikjatriku jieħu sitt xhur u għadu mhux lest!
Għalija dan hu attent ċar biex Melvyn Theuma ma jinġibx jixhed fil-qorti. X’inhi din il-biża biex dan jittella’ jixhed? Infakkar li Melvyn Theuma ngħata l-proklama. Imbagħad hemm min jidħaq bija għax ngħidilhom li għandna frame-up.
Issa nhar il-gimgħa ser tkompli tinstema’ l-kawża ta’ Yorgen Fenech. L-avukati għamlu t-talba taħt dik li tissejjaħ il-405 tal-liġi kriminali biex titlaqqa’ l-qorti peress li l-kompilazzjoni kienet diferita għall-Jannar.
Nhar il-Ġimgħa jistgħu jinstemgħu r-recordings, biss dan mhux bil-fors iseħħ. Wisq probabbli, l-prosekuzzjoni toġġezzjona. L-avukati ta’ Yorgen Fenech riedu li Melvin Theuma jitla’ jixhed ħalli jagħmlu l-kontro-eżami tagħhom. Issa nafu, li dan il-bniedem, li ħa l-proklama tal-istat mhux ser jitla’ jixhed u Alla jaf meta ser jitla’ jixhed. Ovvjament kollox jiddependi meta r-rapport psikjatriku jkun lest.
Jiġifieri jekk dan ir-rapport psikjatriku qatt ma jkun konkluż, l-akkużat qatt ma jista’ jingħata liberta proviżorja? Fi kliem ieħor, mingħajr dan ir-rapport psikjatriku l-kompilazzjoni qatt ma hija ġejja fi tmiemha?
Verament mexjin lejn dittatura ġuridika f’dan il-pajjiż. Mhux ta’ b’xejn li l-Ingliżi ħarġu mill-Unjoni Ewropea. Jekk dan huwa l-mod kif jimxu l-libertajiet tagħna f’dan il-pajjiż, il-bambin jeħlisna minn din id-dittatura li bil-pulit nieżla fuqna fl-interess tal-familja Caruana Galizia.
Dak li nista’ nikkonkludi, li din il-kumpilazzjoni, bħal l-inkjesta, saret farsa sħiħa. Farsa iżda li qed tkisser id-drittijiet ta’ persuna akkużata. Issa nafu li Melvyin Theuma mhux ser jinġib jixhed u wisq probabli, il-magistrata tkompli tinnega li tagħti l-ħelsien provizorju (bail) lill-akkużat. Mela dan ser jibqa’ il-ħabs sakemm jitla’ jixhed Melvyn Theuma u jekk dan jieħu s-snin sakemm isir ir-rapport, dan jibqa’ jinżamm il-ħabs taħt arrest u mbagħad wara niddeċiedu. Dan hu każ ieħor ċar li hawn għandna każ ta’ abbuż u l-użu tat-tortura psikoloġika biex persuna titkisser il-ħabs, waqt li jitħalla fid-dlam fuq dak li huma d-drittijiet tiegħu.