Blogpost minn partitarju Nazzjonalista: Quo vadis Partit Nazzjonalista?

Sfortunatament il-Partit tagħna sejjer lejn direzzjoni li sa ftit ilu konna ħsibna li qed nitbiegħdu minnha. Imma f’daqqa waħda, ir-rotta tal-Partit inqalbet u erġajna ntlaqna mar-riħ tal-konvenjenza. Mela qabel l-elezzjoni tal-2013, ħafna kienu ħasbu li Dr Simon Busuttil kien ser jagħmel il-marakli u jsaħħaħ il-maġġoranza. Għalkemm nemmen il bis-saħħa tiegħu ma ħadniex tkaxkira akbar, l-istorja kienet miktuba u l-arroganza tal-parlamentari tagħna kienet wisq superjuri għall-ġid li seta’ jagħmel Dr Busuttil.

Wara telfa kerha bħal dik intalab rapport. Dan sar u kienet ċara daqs il-kristall li l-blogger kienet għamlet ħsara kbira lill-Partit. B’dispjaċir ngħid li dak ir-rapport tpoġġa fuq xkaffa jiġbor it-trab għaliex fl-erba’ snin tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil il-ħbiberija u l-intimita’ mas-sinjura Caruana Galizia flok naqset żdiedet b’mod perikoluż ħafna. Il-kitbiet tagħha bdejna ntuhom importanża essaġerata u qabbilnihom mal-vanġelu għall-insara. Mir-rapport ma tagħllimna xejn. U għalkemm il-kitba tagħha bdiet issir aktar ħarxa u punġenti aktar bdejna nagħtuha l-importanza li fl-opinjoni tiegħi qatt ma missa saret.

B’dispjaċir ngħid li Dr Busuttil ġie illuppjat mill-ħsieb u l-kitba tagħha. Kien jidher ċar li l-intimita’ u l-influenza tagħha fuq Dr Busuttil telgħet għal-livelli perikolużi. Għalkemm ċert li kien hemm ħafna politiċi u mhumiex li pruvaw jiftħu għajnejn Dr Busuttil hu baqa’ illuppjat minnha u wasalna fi stat li meta ġiet imsejħa l-elezzjoni tal-2017 il-Partit Nazzjonalista kien jaqra biss il-kitba tal-blogger u ma jħarisx fejn kien qed joħodna l-gvern ta’ Joseph Muscat. Tant hu hekk li l-kampanja elettorali kienet msejsa fuq il-ħsibijiet tagħha jekk mhux iddettata minnha wkoll.

Ftakru ftit kif waqt il-kampanja elettorali l-Kap dak iż-żmien, filgħodu kien jsemmi l-vizzjoni tal-Partit iżda filgħaxija flok jidħol f’aktar dettal dwar l-inizzjattivi u jispjega kif ser iwettaq l-istess inizjattivi u kemm ser jiswew lill-pajjiz, kien jarma jgħajjar lill-gvern u l-Partit Laburista fuq korruzzjoni. Niftakru wkoll li f’dak il-perjodu kulħadd kien qed jistenna lill-blogger tgħidilna ta’ min kienet l-Egrant. Dik kienet l-indikazzjoni. Iżda dak l-isem ma ħareġ qatt u meta ħareġ, intqal li kienet tas-Sinjura Muscat. Illum nafu li din hija gidba.

Il-Labour kien għamel xalata minn fuqna u tana l-akbar tkaxkira fl-istorja tal-Partit. Wara l-2017 kien hemm dinamika qawwija li l-Partit jinfatam minn dik id-direzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-Partit Nazzjonalista. Imma, sfortunatament, l-ostakli baqgħu u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni baqgħet għaddejja anke fil-parlament. Kellna u għad għandna deputati li kull darba li jqumu jitkellmu jridu bil-fors idaħħlu fid-diskors tagħhom lil Daphne. Ma rridtx nagħti x’nifhem li l-attakk kontra l-korruzzjoni għandu jieqaf, imma rridu naħsbu ftit fil-pajjiż u nħarsu ’l quddiem b’idejat ġodda kif ser immexxu l-pajjiż jekk niġu fdati fil-gvern. Ma jistax ikollok numru mdaqqas ta’ deputati li ffokati biss fuq ġustizzja għal Daphne. Inħallu l-awtoritajiet konċernati jaħdmu u nagħmlu minn kollox li naraw li qed jaħdmu imma l-aġenda tal-Partit ma tistgħax tibqa’ mwaħħla fuq hekk u hekk biss.

Mat-tibdila tal-Kap f’dawn l-aħħar ġimgħat erġajna waqgħajna koppi u erġgħajna tlaqna għall-estrem. Id-Dar Ċentrali fetħet il-bibien għal dawk in-nies li fl-aħħar tlett snin għamlu wisq ħsara lil-Partit. Qed nerġgħu naraw uċuh fil-Partit li f’dawn l-aħħar tlett snin għalihom il-Partit Nazzjonalista sar xi ħaġa mostruża mimli b’xi virus qattiel. Nies li lsienhom lissen diskors tant dispreġġjattiv, azzjonithom kienu xi ħaġa disgustanti u ħsibijithom kienu ffokati biss fuq kif ser iferrxu l-ħdura fuq persuna waħda. Dan kollu għax kien hemm xi ħadd li daħlilhom f’rashom li l-Kap, dak iż-żmien, kellu xi mibegħda kontra l-blogger.

Qatt ma aċċettaw li kienet l-istess blogger li lil wieħed mill-amministrazzjoni tal-Partit qaltlu li ser tagħmel dak kollu possibbli biex tkissru u tattakkah fuq l-istess livell li kienet tattakka lil Joseph Muscat. Issa l-Partit ġie hijacked minn dawn l-istess nies li f’dawn l-aħħar snin kienu xandru biss ħdura. Issa l-Kap kurrenti kuntent għax diġa telaq minn idejh ir-rigni. Jidher ċar li d-Daphnisti qed jiddettaw, qed jieħdu over, qed jitfaċċaw wieħed wieħed u waħda waħda. Il-preżenza tagħhom fid-Dar Ċentrali mmultiplikat. Eżempju wieħed u jitkellem waħdu.

Il-Partit kien ilu żmien twil ilaqqa’ lil dawk li jaħdmu u jaħmu l-istrateġija tal-Parti f’kamra li kienet tissejjaħ il-War Room. Issa din il-kamra Dr Grech dawwarha f’area fejn jista’ jidħol kulħadd u qed jiltaqgħu ħafna Daphnisti żgħażagħ. Anke nies li tkellmu fid-dimostrazzjonijiet ta’ Daphne spiċċaw hemm ġew. Ġabuha qisha kindergarten class għax ħlief storbju u għajjat ma tismgħax. Il-Kap kuntent għax qed jirritornaw in-nagħaġ il-mitlufa. Li mhux qed iqis li Daphne ma kelliex ammarituri biss. Kellha ħafna nies, fosthom ħafna Nazzjonalisti, li ma kienux jaqblu mal-kitba tagħha. Mela Dr Grech illum irid joqgħod attent ħafna li ma jkunx mingħalih li qed jiġbed lura faxxa ta’ nies u fl-istess ħin jiskarta ħafna oħrajn.

Leave a Reply