L-imħallef Joseph Said Pullicino u r-role tiegħu fl-inkjesta

Illum kien imissu jitla’ jixhed Keith Schembri. F’dan l-artiklu mhux ser nidħol fid-dettall tax-xhieda tiegħu għaliex fl-opinjoni tiegħi ma qal xejn li ma konniex nafu. Hemm dettal wieħed li jrid jiġi mistħarreġ. Biss ġara fatt waqt dan is-smiegħ, li jitlob ftit attenzjoni partikolari. The Times irrappurtat li oħt Daphne Caruana Galizia intervjeniet, jiġifieri tkellmet waqt dan is-smiegħ. Biss The Times ma qaletx l-isem tagħha. B’hekk ma nafux liema waħda minn ħutha kienet.

Għaliex qed ngħid dan? Qed ngħidu għaliex ftit tal-jiem ilu, fuq il-pagna tiegħi ta’ Facebook kien hemm battibekk bejn żewġ avukati, jiġifieri l-avukata Anna Mallia u l-avukat Edward DeBono. Anna Mallia qalet ħaġa li hija magħrufa imma li l-ebda media ma tkellmet dwarha. L-imħallef Joseph Said Pullicino, li qiegħed fuq l-inkjesta, joqgħod fil-istess blokka apartamenti li fih toqgħod anki waħda minn ħut Daphne Caruana Galizia. Din l-informazzjoni hija korretta u tista’ tiġi ivverifikata mir-reġistru elettorali li huwa wieħed pubbliku u għalhekk ma hemm l-ebda ksur tad-Data.

Tant kemm dan hu fatt magħruf li Edward DeBono kiteb lura u fi ftit kliem qal li ma hemm ħażin dwar dan. M’hu qed jikser l-ebda liġi. Fi kliem DeBono, “dan ma jirriżultax mill-liġi”. Fil-fatt dan veru. Fis-sistema tagħna, imħallef jista’ jibqa’ fuq kawża u l-kelma legali użatha hija dik li ma jirrikużax ruħu jekk quddiemu tkun qed tidher persuna li toqgħod fl-istess triq tiegħu. Biss wieħed irid jgħid li l-inkjesta hija l-lunga mano tal-parlament u mhux tal-qorti. Fuq dan nikteb ‘il quddiem.

F’dan il-każ ma għandniex biss imħallef li qed joqgħod fl-istess triq li fiha toqgħod oħt Daphne Caruana Galizia u li hija attiva’ f’din il-kawża ta’ oħtha. Hawn għandna familja li qed toqgħod fl-istess blokka li fiha joqgħod imħallef. Fatt bħal dan jassigura smiegħ xieraq.

Infakkar li l-istess avukat Edward DeBono ġġustifika l-oppożizzjoni tal-familja Caruana Galizia li l-Professur Ian Refalo u Dr. Anthony Abela Medici ma kellhomx joqogħdu fuq din l-inkjesta. Infakkar li dawn kienu oriġinarjament intgħażlu mill-Prim Ministru biex ipoġġu fuq din l-inkjesta. Ir-raġuni li ngħatat mill-familja u l-avukati tagħha kienet li Ian Refalo jagħti konsolenzi lill-Gvern u Anthony Abela Medici, fir-rowl tiegħu ta’ Kummissarju tal-għaqdiet Volontarji, irrifjuta li jirreġistra l-Fundazzjoni li twaqqfet f’ġieħ Daphne Caruana Galizia.

Mhux ser nidħol fl-argument jekk dan kienx tajjeb jew le. Biss nistaqsi jekk bl-istess argument, ma jaħsbux il-familja li meta ppermettew imħallef li joqgħod fl-istess appartament li toqgħod oħt Daphne, u din hija attiva’ fil-kawża ta’ Daphne, ma naqsux il-kredibilita’ ta’ din l-inkjesta?

Infakkar li barra minn Malta, imħallfin ikunu mitluba jirrikużaw ruħhom jekk dawn ikunu joqogħdu fl-istess triq ta’ xi ħadd li dwaru qed jisimgħu xi kawża, jew dak ix xi ħadd li joqgħod fl-istess triq tagħhom għandu interess dirett fil-kawża. Ara fuq dan il-punt, il-Kummissjoni Venezja ma qalet xejn. Lanqas Peter Omtzigt ma qal xejn.  Ma jaħsbux dawn is-sinjuri li sitwazzjoni bħal din tista’ twassal għall-konflitt ta’ interess? Naħseb dak li ġara llum fl-inkjesta, fejn membru tal-familja, tħalla jintervjeni, inaqqas mill-kredibilita’ ta’ din l-inkjesta.

Infakkar li waqt process normali, kieku xi ħadd mill-udjenza jintervjeni waqt li persuna qed tagħti ix-xhieda, l-imħallef jew l-maġistrat jagħmel storja minnu. Aqta’ kemm jagħtu li qed tqażżiżhom! F’dan il-każ, imbierek Alla ma ġara xejn. Li persuna mill-udjenza tintervjeni waqt smiegħ ta’ xhieda saret parti mill-proċedura tas-smiegħ. Qiesu ma ġara xejn.  Issa din hija inkjesta. Normalment, inkjesta hija determinata mill-Parlament Malti. Mela fil-parlament jekk xi ħadd mill-istrangers gallery jitkellem kien jitwaqqaf jew jitkeċċa l-barra. Infatti l-avukata Anna Mallia għamlet punt tajjeb ħafna dwar dan il-fatt. Hija tistaqsi ara kieku kien bil-kontra u l-imħallef kien joqgħod fl-istess triq ta’ Joseph Muscat, jew fl-istess blokka miegħu, dawn kienu jiġu aċċettati mill-familja? Ara kieku tar-rule of law x’kienu jagħmlu! Kemm kienu jgħajtu li din hija korruzzjoni. Min jaf kemm Pieter Omtzigt kien jagħmel rapporti u jgħid li f’Malta ma hawnx rule of law u ma jsirx ħaqq xieraq!  

Leave a Reply