Fil-każ ta’ Daphne, l-investigaturi jridu jagħmlu xogħolhom tajjeb

Il-bieraħ, Il-President tar-Repubblika George Vella għamel il-messaġġ tiegħu. Hu tkellem fuq numru ta’ suġġetti, biss il-media waqfet fuq aspett wieħed biss ta’ dan il-messaġġ, jiġifieri meta George Vella tkellem fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Bir-raġun, hu qal li fuq dan il-każ trid issir ġustizzija u dawk ħatja jieħdu li ħaqqhom. Eżatt. Fuq dan il-punt ma hemmx dubju.

Biss nixtieq niġbed l-attenzjoni li George Vella ma semma l-ebda isem. Kontra dak li għamel Pieter Omtzigt huwa ma daħalx fil-każ fih innifsu. Infakkar li Pieter Omtzigt spiċċa ġa jagħmel ħatja persuni li għadhom l-anqas instabu ħatja mill-qrati tagħna. Din hija xi ħaġa tal-mistħija.

Minflok, il-President George Vella għamel kumment importanti ieħor fuq dan il-każ. Huwa talab lill-investigaturi biex jagħmlu xogħolhom sew. Ha nikkwota eżatt x’kitbet il-Malta Independent.

Addressing the traditional Republic Day ceremony, Vella said that allegations of criminality and dubious connections “have to be investigated in the most professional way possible, and those involved in this crime brought to justice without delay or favour.” 

Eżatt. Dak hu dak li ili nikteb jien fuq dan il-blogg. Hawn ukoll, il-president ma semma’ l-ebda investigatur b’ismu. Jien mhux ser insemmi. Iżda l-investigaturi, jiġifieri l-pulizija u l-uffiċju tal-avukat ġenerali, iridu jkunu professjonali bl-aktar mod possibbli. Bl-uffiċju tal-avukat ġenerali nifhem dawk il-persuni li qed jaħdmu fuq dawn il-każijiet li qed jirreferi għalihom il-president.

Ma hemmx dubju li meta l-president qed jgħid hekk qed jiġbed widnejn persuni involuti fl-investigazzjonijiet ta’ dawn il-każijiet u bil-pulit qed jgħidilhom biex jagħmlu xogħolhom bl-ikbar professjonalita’. Kliem bħal dan jitkellem għalih waħdu. Bil-Malti semitiku, ngħidu li dawn l-istituzzjonijiet iridu jagħmlu xogħolhom b’aktar bir-reqqa. Jekk le, dawk li qed ifallu jew iħawdu jkunu qed jagħmlu ħsara lill-istituzzjoni li huma jaħdmu fihom.

Kulħadd jaf li l-President Vella huwa persuna diretta u li ma jilgħabx bil-kliem. L-abjad jgħidlu abjad u l-iswed jgħidlu iswed. Il-fatt li għamel kumment bħal dan juri tħassib tiegħu għal mod kif jimxu ċertu investigazzjoni marbuta ma’ attivita’ kriminali.

Għal darba oħra, permezz tad-diskors tiegħu, il-President Vella wera li għandu idejh fuq il-polz tal-poplu.

Leave a Reply